Il-konsum tad-droga tant sar sitwazzjoni serja li Aġenzija Sedqa, fl-aħħar snin, ġiet avviċinata minn persuna partikolari li weħidha nefqet mal-€20,000 għall-konsum tal-kokaina li sar fuq weekend wieħed waqt funeral ta’ persuna qrib tiegħu.
“Festini ta’ magħmudija, tiġijiet, u funerali. Xi ħadd li ġie ftit tas-snin ilu ġie u qalilna ‘jien f’weekend ħraqt mal-€20,000 fuq il-kokaina.’ Ovvjament ma ħadhomx kollha hu għax kieku l-funeral tiegħu kien isir. M’għandux problemi ta’ budget u allura jqassam.”
Fl-aħħar xhur u snin, l-Aġenzija Sedqa nnotat żieda fl-użu tal-kokaina u tal-kannabis f’pajjiżna, bl-użu tal-eroina baqgħet l-istess ammont daqs kemm kien il-konsum fl-2023.
Dan kollu kkonfermah id-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Professur Andrew Azzopardi fuq RTK103.
“Jekk nitkellmu dwar trends, l-eroina baqgħet, imma l-kokaina u l-kannabis żdiedu fl-inċidenza tagħhom. Aħna bħala Sedqa, l-alkoħol jibqa’ jirrenja. In-nies qed jibqgħu jirrikorru għall-għajnuna minħabba l-alkoħol.”
Charles Scerri qal li bħalissa l-Aġenzija qed issegwi l-konsum tad-droga sintetika – droga li tagħmel ħsara kbira lill-ġisem.
“L-inkwiet madwar l-Ewropa huwa d-droga sintetika. Irridu noqgħodu attenti jekk dawn it-trends hux se jħabbtu l-bibien tagħna wkoll. Droga bħalma hija l-Fentanyl, li qed nitkellmu fuq potency li hi qawwija ħafna u fatali, li jieħdu diversi forom. Tista’ tkun mal-50 darba iktar potenti mill-morfina.”
Id-Direttur tal-Aġenzija kompla jgħid li hi ferm diffiċli li tinqered din it-trend tal-konsum tad-droga iżda qed jaħdmu biex jikkontrollawha.
“Mhix kwistjoni li inti teradika l-problema tad-droga jew tirbah il-battalja kontra d-droga. Hi kwistjoni li inti tevolvi mad-droga u mas-sustanzi u mal-patterns biex tibqa’ toffri l-għodda ħalli tikkumbatti din il-gwerra eterna. Jien ma naħsibx li qatt nistgħu neridikawha din il-problema.”
Intant, fl-aħħar jiem waqt intervista, l-Ispettur Jonathan Pace qal kif Malta qed tkompli tkun punt ċentrali għat-traffikar internazzjonali tad-droga, partikolarment għall-kokaina, li tgħaddi mill-Amerika t’Isfel lejn l-Ewropa u l-Lvant tal-kontinent. Bir-realtà dejjem tiggrava ta’ kif pajjiżna qed jintuża għal operazzjonijiet kriminali.
//= $special ?>