Waqt il-ftuħ tal-Ġublew fil-Katidral t’Għawdex, Monsinjur Anton Teuma tkellem fit-tul dwar l-imħabba t’Alla u l-problemi li naffaċjaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum – bil-messaġġ tal-Isqof t’Għawdex jiċċentra fuq il-fidi, it-tama u l-imħabba.
Fl-omelija tiegħu nhar il-Ħadd li għadda, l-Isqof fakkar kemm il-familji jgħaddu minn qtigħ ta’ qalb u diffikultajiet; fosthom problemi li jiffajaw koppji li ma jkunux jistgħux ikollhom tfal, ġenituri li jitilfu lil uliedhom, jew ulied li ma jibqgħux ikollmu lil ommhom u missierhom.
Dawn, huma kollha sitwazzjonijiet li joħolqu fina biża’, tbatija, qtugħ ta’ qalb, sostna l-Isqof t’Għawdex.
Hu tenna li l-fidi mhix li nemmnu biss f’Alla li jeżisti, iżda fl-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalina. Għax jekk ma jkollokx il-fidi, ma jistax ikollok it-tama.
Monsinjur Teuma spjega kif Alla jħobbna l-ħin kollu. U t-tama hi li, jiġri x’jiġri fil-ħajja, hemm Alla li jieħu ħsiebna.
Fl-istess omelija, l-Isqof t’Għawdex qal li meta wieħed ma jħossux maħbub, jispiċċa b’ħajtu kollha jipprova jixtri b’kull mod l-imħabba; kultant saħansitra ibigħ lilu nnifsu, l-identità tiegħu, il-persuna tiegħu, u l-konvinzjonijiet tiegħu. Iżda jekk persuna jkollu l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, allura jħares ukoll madwaru u jkun ktar attent, sensittiv, u sensibbli għall-bżonnijiet tal-oħrajn.
L-isqof għalaq b’appell biex nieħdu ħsieb il-komunità Nisranija, u l-imħabba ta’ bejnietna, l-għaqda ta’ bejnietna, il-komunikazzjoni u l-komunjoni, u l-maħfra ta’ bejnietna – u l-ħtieġa li jkun hemm relazzjonijiet iktar awtentiċi bejnietna.
//= $special ?>