Żagħżugħ ta’ 21 sena bi problemi soċjali u li kellu trobbija diffiċli u li wkoll b’dipendenza fuq id-droga ġie kundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq minn ħanut fil-Ħamrun. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake ordnatlu wkoll biex jagħmel trattament ta’ sentejn biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Kien hu stess li jingħata piena karċerarja u biex jibda programm sabiex jieqaf mit-triq tal-kriminalità.
Owen Xerri kien ammetta r-reat lura f’Settembru li għadda fejn kien wieġeb ħati li fit-23 ta’ Ġunju li għadda bejn l-10am u s-2pm, seraq vapes u oġġetti oħra mill-istabbiliment Candy Queens f’Daniel’s Shopping Complex, Triq il-Kbira San Gużepp. Huwa sar ukoll reċediv bil-Qorti tikkundannah sentenza ta’ ħabs effettiva minħabba li reġa’ kiser idejh mal-ġustizzja.
L-Uffiċjal tal-Probation Ritienne Sultana Grech issuġġeriet li fid-dawl li l-imputat għandu problemi ta’ saħħa mentali u droga, kellu jingħata piena ta’ priġunerija effettiva flimkien ma’ Ordni ta’ Trattament sabiex ikun hemm superviżjoni minn uffiċjal tal-probation u l-imputat ikollu l-għajnuna neċessarja biex jindirizza dawn il-problemi f’ambjent ikkontrollat.
Mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation ħareġ li huwa l-ħati stess li jħoss li għandu jingħata piena karċerarja effettiva sabiex ikollu opportunità jirrifletti fuq ħajtu u fuq il-futur tiegħu, u jnaqqas ir-riskju li jerġa’ juża d-droga u li jirrikorri għall-kriminalità.
L-Uffiċjal tal-Probation qalet ukoll li l-imputat kellu tfulija diffiċli minħabba vjolenza domestika mingħand ommu li wasslet sabiex l-imputat iqatta’ perjodi f’istitut. Qalet ukoll li m’għandux sapport mill-familja tiegħu.
Ir-rapport u x-xhieda juru wkoll li l-imputat għandu problema ta’ impulsività, u għalhekk għandu bżonn l-għajnuna biex jikkontrollaha. Il-Qorti qablet li l-iktar piena ideali fiċ-ċirkustanzi hija dik issuġġerita fil-pre-sentencing report – piena karċerarja flimkien ma’ Ordni ta’ Trattament.
Dan biex b’superviżjoni kontinwa u għajnuna minn professjonisti ta’ esperjenza, l-akkużat jipprepara ruħu sabiex permezz ta’ programm residenzjali jegħleb il-vizzju ta’ droga u jerġa’ lura għal ħajja stabbli fis-soċjetà.
Dan kollu wara li d-difiża talbet li l-Qorti tikkunsidra l-età żgħira tal-imputat u anke li hu stess għaraf li għandu bżonn l-għajnuna u li jixtieq jaqbad it-triq it-tajba. Il-Qorti qalet li tispera li b’hekk l-imputat ikun kapaċi jżomm it-triq it-tajba ’l bogħod mid-droga u l-kriminalità anke wara li joħroġ mill-ħabs.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti, wara li rat l-artikoli 261(c) 279(a), 49 u 50 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha dedotti kontra tiegħu u kkundannatu għal disa’ xhur priġunerija, li
minnhom għandu jitnaqqas kull perjodu li l-imputat għamel taħt arrest f’dawn il-proċeduri.
Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament ai termini tal-Artikolu 412D tal-Kodiċi Kriminali għal sentejn, skont it-termini imsemmi fid-digriet li ġie anness ma’ din is-sentenza.
//= $special ?>