Lokali

Botta u risposta bejn il-Kunsill Laburista f’Ħaż-Żabbar u Transport Malta

Is-Sindku Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech u l-awtorità tal-Gvern, Transport Malta, f’botta u risposta fuq facebook. Hekk kif wieħed qed iwaħħal fl-ieħor, dwar l-infurzar tat-triq waqt il-ħinijiet tal-monti.

Wara ġimgħa ta’ skiet, is-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar ħareġ jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-inċident li xxokkja liż-Żabbarin madwar tmien tijiem ilu – fejn xeħet ir-responsabbiltà kollha fuq l-awtoritajiet.

Bis-Sindku Grech jgħid illi pprefera ma jikkummentax, sakemm tasal xi tip ta’ kommunikazzjoni u inizjattiva sabiex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku waqt il-monti tal-irħula Maltin, qabel ma jikkummenta.

Iżda sa ġimgħa wara, l-awtoritajiet baqgħu siekta, bis-Sindku ma jirċievi l-ebda kommunikazzjoni u għaldaqstant ħareġ jikkumenta b’post fuq il-midja soċjali tiegħu.

F’din il-post huwa spjega li fil-jum tal-monti ta’ din il-ġimgħa kien hu stess li niżel jagħmel il-barrikati, għaliex l-awtoritajiet kienu nieqsa mill-post. Fejn elenka numru ta’ punti dwar in-nuqqasijiet tal-awtoritajiet, fosthom; li ma ntbagħat l-ebda uffiċjal ta’ infurzar li jħarrek lil dawk li jitilgħu wrong-way, u li ma kien hemm ebda reazzjoni dwar l-età ta’ dawk li jsuqu u sa meta wieħed għandu jkun eliġġibli li ssuq.

Intant kien is-Sindku li ddikjara li l-pjan sabiex titranġa l-pjazza u jiġu indirizzati dawn il-problemi – ilu tlett snin fuq l-ixkaffa.

Għal dan kollu, Transport Malta farfret r-responsabbiltà kollha lura fuq il-Kunsill Lokali. Fejn permezz ta’ post fuq facebook, iddikjaraw li fl-ebda ħin ma’ ntalab intervent minn naħa ta’ din l-awtorità jew seħħ komunikat bejn il-Kunsill u t-Transport Malta.

Bl-awtorità tal-Gvern tiddikjara li “is-sigurtà f’każ bħal dan ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità”.

Ritratt: Jorge Grech Facebook

Għal darb’ oħra, s-Sindku Laburista nfexx f’attakk ieħor fil-konfront tal-awtorità, fejn stqarr li ma għandix tkun l-awtorità li tistenna komunikat mill-Kunsill Lokali għax dan huwa “xogħol bażiku ta’ kuljum”.

Filwaqt li tenna li l-awtorità ma kienet ta l-ebda għajnuna.