Lokali

“Clint Camilleri huwa professjonali u korrett” – Robert Abela

Skont Abela, ill-fatti huma ċari. “Din il-persuna ġabet ruħha b’mod mill-aktar professjonali u korrett ”.

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, meta ddeskriva l-ħidma tal-Ministru Clint Camilleri. Dan meta l-Ħadd filgħodu kien intervistat fuq is-Super One.

Il-mexxej tal-Labour, f’attakk partiġġjan, stqarr illi huwa l-Partit Nazzjonalista li qed jagħmel il-ħsara lill-Ministu Camilleri. B’Abela, iżda, ma jsemmi xejn dwar l-aħħar skandlu tal-irmiġġi fil-marina tal-Imġarr.

Iżda, minkejja dak li qal il-Prim Ministru, l-fatti juru mod ieħor.

Hekk kif l-Kummissarju tal-Istandards sab lill-Clint Camilleri ħati li abbuża mill-poteri tiegħu meta ta kuntratt ta’ 70 elf ewro lill-ħabiba tal-eks Ministru Clayton Bartolo, mingħajr ma kellha ebda kwalifiċi. U mingħajr qatt ma għamlet imqar siegħa xogħol.

Dan mhux l-uniku skandlu li fih huwa implikat il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri hekk kif allegatament jisab involut ukoll fil-każ tal-irmiġġi …. u anke fl-iskandlu tat-triq tan-Nadur. Bil-Ministru Camilleri jibqa’ marbut mas-siġġu tiegħu fil-Kabinett.

Intant, fil-kollegament telefoniku li għamel, il-Prim Ministru tenna li kien il-Gvern mmexxi minnu li fetaħ l-arbitraġġ li permezz tiegħu Steward Healthcare qed jibqgħu jirreżistu li jagħtu lura l-400 miljun ewro. Meta fil-fatt… kienu Steward li fetħu dan l-arbitraġġ.

U għaldaqstant il-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni sabiex iġib lura l-flus li nsterqu minn but il-poplu Malti u Għawdxi.