Issa waqgħet il-maskra. Robert Abela irid jinħeba minn 17 Black. Iżda kulħadd jiftakar kif kien hu illi għannaq lil Konrad Mizzi eżatt malli ġie elett leader. Dan iż-żmien, diġa’ konna ilna snin nafu bil-Panama Papers u bl-implikazzjonijiet li kien hemm marbuta ma’ 17 Black u l-power station tal-Electrogas.
Issa, apparti Keith Schembri u Konrad Mizzi…qed jingħad li anke l-propjetarji ta’ Nexia BT mistennija jiffaċċjaw akkużi kriminali. Fil-fatt, jidher li Brian Tonna, Karl Cini u SOCAR Trading huma fost lista ta’ individwi u kumpaniji li għandhom jiġu akkużati.
Min naħa tiegħu il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Inkjesta 17 Black ma tispiċċax f’idejn Robert Abela biex biha jagħmel manuvri politiċi għall-interessi personali tiegħu, kif għamel b’mod abbużiv u illegali bir-rapport tal-Inkjesta dwar Vitals u Steward.
Dan apparti appell għall-pubblikazzjoni tal-inkjesta mingħajr aktar dewmien sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf kemm insteraq mil-korruzzjoni tal-Labour.
Minn naħa tiegħu l-MEP Nazzjonalista David Casa sostna li l-konklużjoni tal-Inkjesta huma rebħa għal Malta u Għawdex. Hu spjega kif anke wara ħafna ostakli, intimidazzjoni u theddid fil-konfront tiegħu issa wasalna pass eqreb lejn il-ġustizzja. Hu rringrazzja wkoll lil eks Kap tal-PN Simon Busuttil flimkien mal-Avukat Jason Azzopardi u l-għaqda Republika għal ġlieda kontinwa favur il-verità.
Wara li ħarġet din l-aħbar kien hemm baraxx ta’ kummenti minn diversi persuni illi sostnew kif inhu dritt tal-poplu li nkunu nafu x’fiha l-inkjesta.
Kien hemm min fakkar kif dak iż-żmien Joseph Muscat u l-Labour pruvaw jagħmlu minn kollox sabiex jirredikolaw lill-Partit Nazzjonalista u l-Kap ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil. B’ħafna kummenti jgħidu kif il-kaxxi tal-provi żgur ma kienux vojta.
//= $special ?>