Il-midja fil-Korea ta’ Fuq qed tferrex messaġġ kontinwu li l-Korea t’Isfel spiċċat ‘ipparalizzata waqt kriżi soċjopolitika’ u meta l-Istat komunista qed jipprova jikseb il-massimu tal-gwadann politiku mill-kaos preżenti f’Seoul… kaos xprunat mid-dikjarazzjoni, ġimgħat ilu, tal-President Yoon Suk Yeol, li fit-3 ta’ Diċembru pprova jimponi l-liġi marzjali fit-tul fuq pajjiżu.
Is-sitwazzjoni wasslet għall-impeachment tal-President wara sensiela ta’ każi bla preċedent fl-istorja tal-pajjiż – u li konkludew b’mandat għall-arrest ta’ Yoon. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amministrazzjoni tal-Korea t’Isfel tinsab staġnata hi u tiffaċċja futur inċert ‘fost mewġa ta’ taqlib politiku’.
L-impeachment ta’ Yoon kien ikkonfermat fl-14 ta’ Diċembru wara perjodu qasir ta’ liġi marzjali fil-pajjiż. Intant, il-Parlament f’Seoul, wara, anki beda proċeduri għall-impeachment tal-Prim Ministru u Aġent-President, Han Duck-soo, wara li hu naqas milli jaħtar il-maġistrati għall-Qorti Kostituzzjonali li qed tieħu ħsieb il-proċess legali għall-President Yoon.
Din hi wkoll okkażjoni rari fejn il-Korea komunista qed tixpruna propaganda kontinwa dwar ‘il-kollass tad-demokrazija liberali’ fil-Korea t’Isfel, u wara li l-investigaturi mill-Uffiċċju għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni f’Seoul fallew, nhar il-Ġimgħa, milli jarrestaw lill-President Yoon.
Il-mandat għall-arrest ta’ Yoon kien ħareġ fl-aħħar tal-2024 u wieħed, issa, irid jara l-passi li jmiss min-naħa tal-imsemmi Uffiċċju f’Seoul peress li l-validità tal-mandat tiskadi proprju għada, it-Tnejn.
//= $special ?>