Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-Perit Michael Falzon li miet fl-età ta’ 79 sena.
Michael Falzon serva bħala Ministru f’diversi Gvernijiet Nazzjonalisti, fost l-oħrajn fil-kariga ta’ Ministru għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura fil-Kabinett tal-1987, Ministru għall-Ambjent mill-1992 u Ministru għall-Edukazzjoni u r-Riżorsi Umani mill-1994.
L-involviment tiegħu fil-politika beda fis-sebgħinijiet meta nħatar Segretarju Ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) fl-1974 u wara Segretarju Internazzjonali tal-istess Moviment fl-1975. Aktar tard fl-istess sena kien elett fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN u nħatar Segretarju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1976 f’elezzjoni każwali fuq l-10 distrett elettorali, u wara baqa’ jiġi elett bħala Membru Parlamentari fl-elezzjonijiet tal-1981, l-1987 u l-1992 meta tela’ minn żewġ distretti.
Bejn l-1998 u l-2008 serva bħala Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u bejn l-1999 u l-2004 kien ukoll Manager Information Services ta’ Media Link Communications fejn kien responsabbli mit-tmexxija tal-media tal-PN, u anke Direttur Editorjali tal-gazzetti tal-PN.
Kien ukoll editur ta’ The Democrat, u kontributur regolari ta’ diversi ġurnali u gazzetti oħra fosthom l-istess gazzetti tal-PN In-Nazzjon u il-Mument, u sa ftit ilu anke The Sunday Times u l-Malta Today.
Fl-2004 ikkontesta wkoll l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’isem il-PN. Kien ukoll involut fit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, li serva bħala l-ewwel President tagħha.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech, f’ismu u f’isem il-Partit Nazzjonalista, wassal il-kondoljanzi lill-familja u l-qraba ta’ Michael Falzon.
//= $special ?>