Lokali

Imut l-Eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, li tul is-snin baqa’ attiv ferm f’diversi għaqdiet u anke fuq il-midja lokali. Hu kellu 79 sena.

Fil-fatt, sal-lum stess, il-Perit Falzon kellu artiklu ta’ analiżi ppubblikat fil-gazzetta MaltaToday.

Apparti minn hekk, hu kien regolarment jiġi mistieden fuq it-televiżjoni biex jaqsam il-ħsibijiet tiegħu, bla kantunieri, dwar temi kurrenti u kontroversjali. Għamel żmien twil kien Direttur Editorjali tal-gazzetti ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’, kien editur ta’ ‘The Democrat’ u riċentament kien janalizza l-ġurnali fuq TVM.

Il-Perit Falzon – li twieled il-Gżira fl-1945 – kien ilu mill-1975 attiv fil-politika, u kien elett deputat tal-PN fl-1976.

Falzon kien l-ewwel Direttur Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-1987 kien beda jservi bħala Ministru tal-Infrastruttura, u fis-snin ta’ wara kien responsabbli mill-ambjent u anke bħala Ministru tal-Edukazzjoni.

Fl-2004, il-Perit Falzon kien ikkontesta l-elezzjoni tal-MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Michael Falzon kien miżżewweġ lil Mary Anne u kellhom tifel. Hu kien ukoll l-ewwel President u wieħed mill-fundaturi tal-MDA.

Il-kondoljanzi mill-Kap tal-PN

Insellem il-memorja ta’ Michael Falzon, Eeks Ministru Nazzjonalista u politiku li serva f’diversi karigi importanti, kemm fix-xena politika imma wkoll fi ħdan organizzazzjonijiet importanti f’pajjiżna u anke fil-midja, inkluż il-midja tal-PN.

Ftit tal-ħin ilu għamilt kuntatt mal-familja tiegħu u wassalt il-kondoljanzi tiegħi u tal-Partit Nazzjonalista.