L-Ukrajna – minkejja l-aħħar disfatti militari – qed twettaq offensiva ġdida fl-artijiet tar-Russja, b’din il-kampanja qed tikkonċentra fuq iz-zoni fir-reġjun ta’ Kursk.
Dan kien ikkonfermat anki mir-Russi li qed jidhru xukkjati bl-aħħar żviluppi u bil-qawwiet ta’ Moska qed jimpenjaw ruħhom biex ‘jeqirdu lill-avversarji Ukreni’. L-offensiva x’aktarx li qed issir biex l-Ukreni jespandu l-okkupazzjoni fl-artijiet li huma qed jikkontrollaw f’Kursk – u wara li huma kienu wettqu, b’suċċess, l-ewwel inkursjoni (f’Kursk) f’Awwissu li għadda.
Il-qawwiet Russi, fl-aħħar xhur, irnexxielhom jieħdu lura parti sostanzjali tal-artijiet li kienu waqgħu lill-Ukreni – madankollu, l-avversarji xorta għad għandhom preżenza sinifikanti f’Kursk. Intant, fl-aħħar sigħat, ir-Russi kienu qed jirreaġġixxu għall-azzjonijiet tal-Ukreni fost il-movimenti tal-karrijiet armati lejn iz-zoni tal-ġlied.
Jidher li l-offensiva ġdida fuq Kursk bdiet mill-bażi tal-Ukreni f’Sutzha, u bis-suldati tal-Ukrajna javvanzaw għal fuq il-villaġġi ta’ Berdin u Bolshoye Soldatskoye.
L-Uffiċċju tal-Presidenza Ukrena, fl-istess ħin, hu ottimist dwar l-azzjonijiet tas-suldati tiegħu f’Kursk, fost stqarrija li ‘ir-Russja qed tieħu dak li ħaqqha waqt li dduq ftit mill-kaos tal-gwerra li imponiet fuq il-poplu tal-Ukrajna’.
L-uffiċjali għall-ġbir tal-informazzjoni fi Kiev, min-naħa tagħhom, qalu li r-Russi f’Kursk qed jidhru ferm ansjużi bl-aħħar żviluppi u wara li huma spiċċaw attakkati minn diversi direzzjonijiet – tant li setgħu jirreaġġixxu bil-mod wisq għas-sitwazzjoni.
Iżda minkejja l-arja tal-ottimiżmu fi Kiev, għadu mhux ċar jekk l-offensiva ġdida f’Kursk (għalissa) hix effettiva biżżejjed biex twassal għall-bidlet kruċjali fiz-zoni fejn is-suldati tal-Ukrajna qed jirreżistu għall-kontra-attakki tar-Russi.
Fl-istess ħin, xi osservaturi – inklużi s-sorsi Russi – ma jeskludux li din l-offensiva kapaċi qed issir anki bħala tattika tal-Ukreni biex ittellfu l-attenzjoni mill-pjani u strateġiji oħrajn li jistgħu għandhom u li kapaċi jinkludu l-attakki fuq bnadi oħrajn fir-Russja.
Dan minkejja li l-qawwiet tal-Ukrajna qed ibatu n-nuqqasijiet tat-truppi u fejn kellhom, fost oħrajn, iċedu għal aktar territorji fil-lvant ta’ pajjiżhom quddiem l-avvanzi tar-Russi.
//= $special ?>