Raġel ta’ 37 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest mingħajr kundizzjonijiet wara li kien akkużat li hedded lill-eks sieħba tiegħu.
Il-każ wera kif ir-raġel kien f’relazzjoni mas-sieħba tiegħu, b’din ir-relazzjoni tintemm f’Awwissu li għadda. Minkejja dan, il-koppja baqgħu jikkomunikaw kuljum – tant li l-mara kienet tatu ċ-ċwievet tad-dar tagħha.
Minn xhieda fil-Qorti rriżulta li fix-xahar li għadda, il-koppja marret weekend break. U minkejja li jidher li fl-aħħar xhur ma kienx hemm problemi bejn il-koppja, il-mara allegat li r-raġel kien qed jiffastidjaha u jsegwiha.
Bil-prosekuzzjoni tispjega li l-mara kienet qed timmanipula lill-akkużat, tant li qablitu ma’ pupazz. Bil-prosekuzzjoni tispjega wkoll li l-mara se tkun qed titressaq il-Qorti mixlija bl-istess akkużi.
Minn naħa tiegħu, l-akkużat ikkopera kompletament mal-Pulizija billi pprovda l-mowbajl u l-messaġġi tiegħu bħala evidenza. U kien proprju għalhekk li l-prosekuzzjoni spjegat li ġaladarba ssir talba għall-ħelsien mill-arrest mhux ħa tkun qed toġġezzjona.
Intant, ġie spjegat ukoll li fl-investigazzjonijiet ħareġ li l-allegazzjonijiet fil-konfront tar-raġel kienu esaġerati, u li r-raġel ma setax ikun qed isegwi lill-mara meta kienet il-mara stess li tatu ċ-ċwievet ta’ darha wara li ma baqgħux flimkien.
Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddikjarat l-arrest tar-raġel bħala wieħed validu però għażlet li tati l-ħelsien mill-arrest bla kundizzjonijiet.
//= $special ?>