minn Colin Schembri
Tigers…………………….69
Sigma Depiro……….126
(7-42)(19-20)(16-26)(27-38)
Sigma Depiro kisbu l-ħames rebħa fil-kampjonat biex żammew posthom fil-ġlieda għal post fil-play-offs. Għal raġunijiet diversi, Tigers kienu b’formazzjoni ridotta ta’ sitt players fosthom id-debuttanti Miguel Baldacchino u Albert Vancallo filwaqt li Depiro kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fejn irkupraw lil Luca Stefanovic. Ftit li xejn hemm xi tgħid fuq din il-partita li kienet dominata minn Depiro għal 40 minuta sħaħ.
Fil-fatt l-iskor tal-ewwel sessjoni jindika dan hekk kif Depiro rebħuha 42-7 fejn Depiro kellhom lil Porter filwaqt li Varcallo għalaq it-taqsima bi trippla għal Tigers. Għat-tieni sessjoni, Sasha Dimitrijevic bidel il-ħames players però Depiro xorta żammew kontroll tal-partita għalkemm Tigers sabu l-basket b’aktar frekwenza. Fost l-oħrajn, Depiro kellhom run ta’ 13-2 bil-punti ta’ Nikola Bozovic u Dominic Tomasi. Varcallo kellu żewġ trippli oħra għal Tigers biex fl-intervall Depiro kienu 62-26 minn fuq.
Għal wara l-intervall, Depiro reġgħu ħarġu l-formazzjoni tal-ewwel taqsima fejn Debattista kompla sejjer bit-trippli tiegħu hekk kif għamel tlieta oħra flimkien ma’ Trapani, Cornelius u Brincat. Għal xi ħin Tigers irrispondew permezz ta’ Varcello u Darryl Pisani biex it-taqsima għalqet fuq skor ta’ 88-42 favur Depiro.
Fl-aħħar sessjoni run ta’ 11-2 minn Depiro rathom jgħaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Stefanovic. Tigers kellhom żewġ trippli minn Baldacchino u Serge Hamparsoumian, però Depiro wieġbu b’run oħra ta’ 12-0 maqsuma bejn Tomasi u David Bugeja biex il-partita ntemmet bi trippla ta’ Micaller u basket ta’ Bugeja għal skor finali ta’ 126-69.
Tigers: D. Pisani 5, S. Hamparsoumian 21, K. Micaller 4, M. Baldacchino 5, A. Varcallo 22, S. Saakian 12.
Sigma Depiro: S. Galea 2, D. Bugeja 24, N. Bozovic 7, N. Zivkovic 6, L. Stefanovic 2, A. Trapani 12, D. Tomasi 17, B. Porter 25, M. Brincat 6, C. Cornelius 10, M. Debattista 15.
Referees: Miguel De Flavia, Nestor Rincon, Wendell Lim
Valletta Lions……….58
Hibernians…………….73
(13-17)(20-18)(6-24)(19-14)
Hibs żammew l-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Valletta Lions 73-58 biex pattew għat-telfa li kienu ħadu kontra l-istess Beltin ftit ġimgħat ilhu. Valletta kienu mingħajr Darryl Schembri u Jonathan Camilleri però rkupraw lil Nelson Da Silva kif ukoll introduċew lil player Amerikan ġdid Myles Tyree Carter. Hibernians kienu mingħajr iż-żagħżugħ Stefan Simic. Din il-partita kienet ikkontrollata minn żewġ uffiċjali barranin Georgina Erdos mill-Awstrija u Hadid Hotaki mill-Olanda flimkien ma’ Bernard Vassallo.
Il-partita kellha bidu bilanċjat bit-team ta’ Valletta jieħdu vantaġġ ta’ 7-4 wara trippla ta’ Piotr Stelmach. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet bi break ta’ 13-0 b’diversi punti minn Tederick Wolfe u basket ta’ Ivan Demcesen. Finalment Valletta wieġbu permezz ta’ Stelmach u Eric Terry biex naqqsu d-distakk 13-17. Fit-tieni sessjoni Stelmach beda bi trippla oħra biex kompla jqarreb lill-Beltin, però Hibs malajr wieġbu permezz ta’ Wolfe u Derek Brown biex regħu marru 9 minn fuq 29-20. Valletta rkupraw b’żewġ trippli minn Nicholas Grech u baskets ta’ Terry u Carter biex sal-intervall naqqsu d-distakk għal basket 33-35.
It-tielet taqsima dehret li se tkun bl-istess andament hekk kif punti fuq iż-żewġ naħat ħallew differenza ta’ basket 37-39. Iżda Hibs kellhom pjanijiet oħra hekk kif għamlu 19-il punt mingħajr risposta bi trippla ta’ Neil Cassar u punti minn Wolfe, Brown u Gouder. Finalment, Valletta waqqfuhom b’basket ta’ Terry però Hibs issa kienu 20 punt minn fuq 59-39.
Fl-aħħar perjodu kien hemm tentattiv minn Valletta li jirkupraw hekk kif bdew bil-punti ta’ Terry u Carter. Hibs, però malajr wieġbu permezz ta’ Brown u Wolfe. L-aħħar minuti kienu maqsuma bejn iż-żewġ timijiet fejn l-ewwel kienu Valletta li għamlu run ta’ 9-0, però fl-aħħar 32 sekonda kien hemm sitt free-throws ta’ Hibs u rebħu l-partita 73-58.
Valletta Lions: N. Grech 9, F. Mifsud Bonnici 2, N. Da Silva, M. Carter 8, P. Stelmach 18, A. Attard, N. Vasovic 2, S. Vincic 3, E. Terry 16.
Hibernians: N. Cassar 7, T. Wolfe 28, D. Brown 14, P. Attard, L. Attard, L. Farrugia, A. Axiaq 2, M. Gouder 8, M. Attard 2, T. Gjurovski, M. Mallia, I. Demcesen 12.
Referees: Bernard Vassallo, Georgina Erdos, Hadid Hotaki
Luxol Sherries Estates…..114
Athleta AtoZ…………………..73
(29-22)(30-15)(33-23)(22-13)
Luxol Sherries Estates irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Athleta AtoZ 114-73, riżultat li kompla jbiegħed lit-team tal-Athleta minn post fil-play-offs. Darron Howard mexxa l-attakk ta’ Luxol bi 42 punt fosthom seba’ trippli minn disa’ tentattivi – persentaġġ għoli ta’ 77.8%. Luxol irkupraw lil Vukassin Jandric li kien tilef l-aħħar partita filwaqt li Athleta għadhom mingħajr Billy Zammit u Robert Bonnici. Iż-żewġ timijiet riedu rebħa minn din il-partita, Luxol biex jirritornaw għar-rebħ u Athleta biex jibqgħu jissieltu għal post fil-play-offs.
Wara li Athleta bdew bl-ewwel ħames punti, Luxol wieġbu b’żewġ trippli minn Darron Howard. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm Luxol kellhom aktar trippli minn Nathan Xuereb u Howard biex fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 22-15. Athleta ġew lura b’basket ta’ Maxwell Amoafo u trippla ta’ Juan Cefai, però punti minn Caleb Mccrary u Howard raw lil Luxol itemmu l-ewwel taqsima 29-22 minn fuq. Luxol kellhom mument tajjeb meta għamlu 12-il punt mingħajr risposta fosthom punti minn Vukassin Jandric u Stefan Cappello. Athleta waqqfulhom ir-run b’żewġ free-throws ta’ Kurt James però pronta kienet ir-risposta ta’ Luxol b’aktar baskets minn Howard u trippla ta’ Nenad Bukva biex daħlu jistrieħu 59-37 minn fuq.
Wara l-intervall kien hemm aktar punti minn Howard u Cappello għal Luxol għalkemm Athleta tħabtu u rrispodew b’baskets minn Amoafo u James flimkien ma’ trippla minn Caleb Matthews. Xuereb u Howard komplew bi tliet trippli oħra qabel ma Athleta għamlu seba’ punti mingħajr risposta. Qabel intemmet it-taqsima, Luxol kellhom it-trippli minn Xuereb u Adam Azzopardi għal skor ta’ 92-60.
Fil-bidu tal-aħħar sessjoni spikka Jean Paul Schembri bi tliet three pointers fl-ewwel tliet attakki ta’ Luxol. Wara risposta ta’ Cefai, Matthews u Amoafo għal Athleta, Luxol għamlu l-aħħar sitt punti tal-partita minn Marco Matijevic u Bukva għal skor finali ta’ 114-73.
Luxol Sherries Estates: D. Howard 42, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi 7, I. Azzopardi, V. Jandric 8, JP Schembri 9, N. Xuereb 16, M. Vassallo Pulis, N. Bukva 9, C. Jones Mccrary 8, M. Matijevic 4, S. Cappello 11.
Athleta AtoZ: A. Garcia, C. Matthews 15, I. Xuereb 1, K. James 18, M. Farrugia 2, A. Bozanic, L. Borg, J. Cefai 15, M. Amoafo 16, G. Cassar 6.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia.
//= $special ?>