Colin Schembri
Valletta Lioneses 62
Betsson Depiro 93
(7-20)(15-28)(20-29)(20-16)
Betsson Depiro komplew fit-triq tar-rebħ meta fl-ewwel partita tas-sena 2025 huma għelbu lil Valletta Lioneses 93-62. Għal din il-partita, Valletta kellhom id-debutt tal-player Olesia Malashenko li fil-passat lagħbet mat-tim nazzjonali tal-Ukranja u ħadet post l-Amerikana Janea Barnes.
Depiro fetħu l-logħba b’mod tajjeb bi break ta’ 7-2 grazzi għal Jasmine Mallia u Janai Crooms li kellha trippla. Valletta wieġbu b’punti ta’ Malashenko fuq free throws u layup ta’ Alexia Parnis, iżda Depiro komplew b’run oħra ta’ 13-3, bi trippla ta’ Hannah Farag u punti minn Kristy Galea, Neve Borg u Crooms. L-ewwel sessjoni għalqet b’Depiro fuq quddiem 20-7.
Valletta bdew it-tieni perjodu bi tliet punti ta’ Malashenko iżda Depiro kellhom run qawwija ta’ 20-5 immexxija minn Claire Ciantar u Joselle Borg Cardona. Valletta sabu diffikultà biex jiksbu punti minkejja trippla ta’ Marija Momcilovic hekk kif Depiro żammew id-dominanza tagħhom grazzi għall-aktar trippli minn Julia Borg u Keira Fenech Ismael biex sal-intervall Depiro kienu b’vantaġġ komdu ta’ 48-22.
Fit-tielet sessjoni Valletta ppruvaw jirkupraw bil-kontribut ta’ Malashenko, li għamlet 10 punti inklużi layups u preċiżjoni mill-free throw line. Madankollu, Depiro komplew ikunu effettivi, fejn Galea u Mallia flimkien ma’ Neve Borg għaqqdu run ta’ 12-4. Wara punti minn Malashenko, Momcilovic u Sabrina Abugrin għal Valletta, Depiro għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Galea għal skor ta’ 77-42.
Fl-aħħar taqsima l-logħob kien aktar maqsum minkejja li Depiro kellhom tliet trippli oħra minn J. Borg u Nicole Agius. Valletta wieġbu permezz ta’ Abugrin u Caballero biex Depiro ħarġu rebbieħa 93-62.
Valletta Lioneses: A. Parnis 3, S. Abugrin 9, M. Momcilovic 9, A. Caballero 2, M. Mifsud 2, A. Nikishina 1, T. Nikishina 6, O. Malashenko 30.
Betsson Depiro: K. Fenech Ismael 3, Ni. Agius 10, J. Mallia10, No. Agius, C. Ciantar 8, J. Borg 15, M. Micallef, N. Borg 9, K. Galea 16, J. Borg Cardona 8, H. Farag 5, J. Crooms 93.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniel Farrugia, Miguel De Flavia
Athleta 40
Hibernians 64
(8-8)(12-17)(7-20)(13-19)
Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu lill-Athleta 64-40. Il-partita damet ma ngranat tant li l-ewwel sessjoni għalqet f’parita ta’ 8-8 u kienet run ta’ 12-2 f’nofs it-tielet sessjoni li rat lil Hibernians jinqatgħu fuq quddiem. Hibs għamlu bidla fit-tmexxija tagħhom matul il-waqfa tal-festi hekk kif issa se jkunu mmexxija mill-coach nazzjonali Charles Bonnici. Huma biddlu wkoll il-player barranija tagħhom hekk kif Mikayla Brandon ġiet rilaxxata u postha ħaditu Ashiala Monee Jackson li però ma ħaditx sehem f’din il-partita. Athleta inkludew għall-ewwel darba lil Anthea Micallef Eks Starlites.
Il-logħba fetħet b’basket fuq kull naħa minn Francesca Sant għal Athleta u Andie Saliba għal Hibernians. Il-punti bdew ġejjin bil-mod hekk kif Kennedi Williams għamlet żewġ baskets bir-risposta ta’ Hibs tiġi minn Julija Dabic u trippla ta’ Saliba għal parità ta’ 8-8 fi tmiem is-sessjoni.
Hibs fetħu t-tieni sessjoni bi break ta’ 11-2 bil-punti ta’ Maria Bonett u Steffi De Martino flimkien ma’ trippla ta’ Marie Buhagiar. Għall-Athleta Williams kompliet tkun l-aktar attiva fejn kellha wkoll trippla flimkien ma’ Nicole Vella u Laura Camilleri. Kirsty Caruana u Dabic għalqu l-perjodu għal Hibs li daħlu jistrieħu 25-20 minn fuq.
Wara l-intervall, Hibernians bdew jinqatgħu fuq quddiem hekk kif bdew bil-punti ta’ Saliba, Dabic u De Martino. Athleta kellhom biss risposta sporadika minn Williams, li skorjat il-punti kollha tat-tim tagħha f’dan il-perjodu. Hibernians għalqu t-taqsima fuq run ta’ 10-0 bil-punti ta’ De Martino, Bonett u Elena Cassar għal skor ta’ 45-27.
L-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda bilanċjata fejn għal xi ħin kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat. Hibs irnexxielhom jgħaqqdu run qasira ta’ 8-2 hekk kif Dabic għamlet sensiela ta’ punti lejn it-tmiem biex Hibernians ħarġu rebbieħa 64-40.
Athleta: K. Williams 32, B. Agius 2, M. Ferrante, N. Vella 2, M. Cassar Pickard, F. Sant 2, A. Micallef, J. Cipriott, Ke. Abela, C. Caruana, K. Abela, L. Camilleri.
Hibernians: M. Buhagiar 5, E. Farrugia, S. Vella, E. Cassar 4, A. Saliba 18, M. Bonett 6, S. De Martino 11, K. Calleja, N. Farrugia, K. Caruana 2, J. Dabic 18.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Andre Attard.
Caffè Moak Luxol 75
Starlites JSD 53
(11-19)(25-16)(16-8)(23-10)
F’konfront dirett bejn iż-żewġ timijiet li kienu fit-tieni post, Caffè Moak Luxol għelbu lil Starlites JSD 75-53. Minkejja dan id-distakk, Starlites kienu fuq quddiem sat-tmien minuta tat-tieni sessjoni, però ċedew għal kollox fl-aħħar sessjoni meta Luxol għamlu run ta’ 20-4.
Kienu Luxol li għamlu l-ewwel basket tal-partita permezz ta’ Josephine Diaby, però mbagħad kellhom isofru r-risposta ta’ Starlites primarjament minn Ylenia Bonnett li għamlet tmien punti mingħajr risposta. Wara punti minn Anna Fenech Pace, Starlites kellhom trippla minn Makaila Napoleon u oħra minn Mikela Riolo f’run ta’ 10-2. Luxol resqu viċin permezz ta’ Diaby u Vanya Baldacchino għal skor ta’ 11-19 fi tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni perjodu kien hemm trippla oħra ta’ Napoleon li kabbret il-vantaġġ ta’ Starlites però Luxol wieġbu bi break ta’ 11-2 bil-punti ta’ Lisa u Anna Fenech Pace flimkien ma’ Brandy Huffhines u Gwenn Carabott. Wara trippla oħra minn Napoleon, Luxol għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta biex għall-ewwel darba marru fuq quddiem u żammew il-vantaġġ sal-halftime 36-35.
Luxol kabbru l-vantaġġ wara l-intervall hekk kif kellhom it-trippli minn Huffhines flimkien ma’ Baldacchino u sa nofs is-sessjoni kienu 45-37 minn fuq. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin hekk kif il-fouls bdew jiżdiedu wkoll tant li l-coach ta’ Starlites Peter Shoults kellu jserraħ lil Napoleon żewġ minuti mit-tmiem wara li kkomettiet ir-raba’ foul. Luxol għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Sarah Fenech Pace għal skor ta’ 52-42.
Luxol iddominaw l-aħħar perjodu fejn wara li kien hemm żewġ free-throws fuq kull naħa, huma għamlu run ta’ 20-2 fejn ħallew lil Starlites fuq żewġ free-throws ta’ Lecuyer. Għal Luxol kien hemm it-trippli ta’ Huffhines flimkien mal-punti ta’ Nolene Vella u Rebecca Naudi biex huma ħarġu rebbieħa 75-53.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott, L. Fenech Pace 4, M.Marmara, N. Vella 6, J. Said, S. Fenech Pace 13, J. Diaby 15, B. Huffhines 22, V. Baldacchino 5, R. Fenech Pace 3, R. Naudi 2, A. Fenech Pace 6.
Starlites JSD: S. Lecuyer 5, M. Riolo 5, C. Cilia 3, P. Riolo 1, M. Zammit Cordina 3, C. Vella 2, F. Vella, M. Napoleon 17, E. Degiorgio 1, Y. Ferrando, C. Curmi, Y. Bonett 16.
Referees: Nestor Rincon, Wendell Lim, Fiorentina Ciurariu.
//= $special ?>