Internazzjonali

L-Awstrija: Ir-riżenja imminenti tal-Kanċillier Nehammar titfa’ lill-pajjiż fi kriżi politika akbar

Il-poplu Awstrijak qed iħejji għall-possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija wara li Karl Nehammer ikkonferma li se jirriżenja mill-kariga matul il-jiem li ġejjin. Dan ukoll meta l-pajjiż riesaq lejn limbu politiku wara li krollaw it-taħditiet lejn it-twaqqif ta’ Gvern ta’ koalizzjoni.

L-osservaturi qed jgħidu li l-Kanċillier ma kellux għażla oħra wara li l-Partit tal-Poplu konservattiv (OVD) tiegħu u s-Soċjal Demokratiċi naqsu milli jaqblu dwar diversi issues ta’ importanza nazzjonali. Dan ukoll wara li l-Partit liberali Neos kien irtira mit-taħditiet għall-koalizzjoni potenzjali.

Is-sitwazzjoni, intant, qed tiffavorixxi lill-Partit estremista tal-lemin, FPO – jew Partit tal-Ħelsien Awstrijak. Dan il-partit, f’Settembru, kiseb rebħa bla preċedent fl-elezzjoni ġenerali tal-Awstrija, iżda l-partiti tradizzjonali żammew lura milli jiffurmaw koalizzjoni mal-Kap tal-FPO, Herbert Kickl.

Madankollu, il-falliment tat-taħditiet fi Vienna kapaċi jwasslu għal sitwazzjoni fejn il-konservattivi, ‘il quddiem, ikollhom bilfors jinnegozjaw mal-estremisti tal-lemin biex l-Awstrija jkollha Gvern, ftit jew wisq, stabbli. Intant, l-alternattiva oħra hi elezzjoni bikrija li l-poplu jista’ mhux lest għaliha.

Il-Partit FPO għandu s-simpatiji mar-Russja ta’ Vladimir Putin u diġà għamel żmien bħala parti minn koalizzjoni fi Vienna. Fl-istess ħin, it-Tmexxija tiegħu hi ħerqana għal elezzjoni bikrija, bl-istħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxu li l-FPO kompla jżid fil-popolarità tiegħu fl-aħħar xhur.

L-estremisti tal-lemin, issa, qalu li nħlew tliet xhur fit-taħditiet politiċi li ma wasslu mkien u li llum l-Awstrija għaddejja minn żmien il-kaos minflok qed tgawdi ftit tal-istabbilità.

L-FPO anki jrid ir-riżenja ta’ Andreas Babler, il-Kap tal-Partit Soċjal Demokratiku, waqt li qed isostni li l-President Awstrijak, Alexander Van der Bellen, għandu jġorr parti kbira mit-tort għall-kriżi politika li qed tiżviluppa fil-pajjiż.

Il-Kap tal-FPO, Herbert Kickl, qed iwiegħed biex jibni l-Awstrija bħala hekk-imsejħa ‘Fortizza’  u biex jgħin lill-pajjiż jirritorna lejn era karatterizzata mis-sigurtà u prosperità. Dan il-partit – imwaqqaf fl-1950 mill-Eks Nażisti – irid ir-regoli fissi u ċari dwar l-immigrazzjoni legali filwaqt li qed jippromwovi l-kunċett li jħaffef proċess ta’ ripatrijazzjoni għall-immigranti li qegħdin ifittxu l-kenn politiku fl-Awstrija.