Internazzjonali

Maltemp straordinarju fir-Renju Unit… bl-Istati Uniti tħejji għall-aktar kesħa qalila f’għaxar snin

Ħafna bnadi fir-Renju Unit jinsabu paralizzati fost il-maltemp fit-tul, iddominat mill-borra u xita tas-silġ, li żied bil-kbir il-periklu għal kull min jixtieq li jivvjaġġa għal distanzi pjuttost fit-tul. Dan meta l-pubbliku qed ikun imwissi biex jeżerċita l-massimu tal-kawtela waqt li jevita l-ivvjaġġar bla bżonn – speċjalment bil-karozzi privati.

Numru ta’ ajruporti, fosthom ta’ Manchester, Liverpol u Birmingham, waqqfu t-titjiriet għal xi żmien minħabba l-ammonti kbar tal-borra li niżlu f’dawk iz-zoni… sitwazzjoni li wasslet għall-posponiment ta’ għexieren ta’ titjiriet, b’titjiriet oħrajn jitħassru u b’oħrajn jitmexxew lejn l-iskedi u r-rotot differenti.

Skont id-data mill-websajt Flightradar24, tal-anqas 12-il ajruplan li kellhom jinżlu Manchester niżlu, minflok, fl-ajruporti ta’ Heathrow, f’Londra, kif ukoll fl-ajruporti ta’ Birmingham, Dublin, Glasgow u Pariġi. U waqt li setgħu jinżlu xi titjiriet fl-ajruport ta’ John Lennon, f’Liverpool, l-inżul tal-ajruplani ma kienx permess fl-ajruport ta’ Leeds Bradford, f’Yorkshire.

Il-maltemp wassal ukoll għat-twissijiet pjuttost urġenti għall-poplu ta’ Wales u fost is-sitwazzjonijiet ta’ periklu għar-residenti Ingliżi tal-Midlands u l-madwar. It-twissijiet huma validi anki għal numru ta’ bnadi fl-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq,  bil-Met Office ma jeskludix li l-inżul ta’ mill-anqas 300 metru borra se jagħlaq l-aċċessi lejn ħafna komunitajiet rurali madwar ir-Renju Unit.

L-Amerikani jħossu l-impatt tal-maltemp

Miljuni ta’ nies fl-Istati Uniti (ukoll) kienu qed jistennew l-impatt ta’ maltempata kważi storika li kapaċi tirriżulta fl-akbar livell ta’ kesħa u nżul ta’ borra fil-pajjiż għal aktar minn għaxar snin. Dan meta l-awtoritajiet iddikjaraw sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Istati ta’ Kentucky, Viginia, Kansas, Arkansas u Missouri.

Il-maltempata qed tavvanza miċ-ċentru tal-Istati Uniti lejn ir-reġjuni tal-lvant u bl-elementi għandhom jibqgħu jiddominaw l-inħawi matul il-jiem li ġejjin.

Dan meta l-mijiet tal-eluf tal-Amerikani qed jistennew li l-ħajja ta’ kuljum tieqaf għal dawn il-ġranet, fost il-kundizzjonijiet li jirrendu s-sewqan impossibbli u bl-istabbilimenti u l-iskejjel x’aktarx li jibqgħu magħluqin sa, almenu, nofs il-ġimgħa.