Ir-racket tas-serq mill-benefiċċji soċjali jkompli jżid il-pressjoni fuq il-Partit Laburista, hekk kif issa, mara li allegatament ħadet benefiċċji li ma kinitx intitolata għalihom implikat membru tal-kumitat fi ħdan il-Każin tal-Partit Laburista tal-Fgura.
Waqt xhieda fil-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana rriżulta li koppja kienet gwidata sabiex tmur fil-Każin Laburista tal-Fgura, fejn kien se jingħatalhom envelope għall-persuna oħra f’uffiċċju f’Raħal Ġdid, fejn kellu jingħata t-tieni envelope lill-koppja sabiex imbagħad jingħata lit-Tabib Silvio Grixti – dak li kien deputat Laburista.
Fix-xhieda tagħha, il-mara spjegat li lura fl-2019, il-koppja talbet għall-għajnuna fil-każin Laburista wara li r-raġel irtira mix-xogħol, hekk kif bdew jesperjenzaw diffikultà finanzjarja. Huma kienu ngħataw struzzjonijiet sabiex iżuru l-każin tal-Fgura u jistaqsu għall-ċertu membru fi ħdan il-kumitat tal-Labour. B’dan il-membru jilqa’ lill-koppja fil-każin, iħarbex fuq karta u jitfagħha f’envelope siġġillat.
Il-koppja kienet gwidata sabiex tmur f’uffiċċju f’Raħal Ġdid u tati l-envelope lil persuna oħra. Dan it-tieni persuna mbagħad ta envelope ieħor lill-koppja u gwidahom sabiex imorru fil-klinika ta’ Silvio Grixti fiż-Żejtun.
L-eks deputat Laburista, allegatament kiteb formola u gwida lill-koppja sabiex tinfurmah meta jissejħu quddiem il-Medical Bord – li jistudja każijiet sabiex jingħataw il-benefiċċji soċjali.
Il-koppja semgħet mid-deputat Laburista u għaldaqstant infurmatu bid-data tal-bord, bi Grixti jerġa’ jsejjaħ għall-koppja u jippreżentala envelope li kellha tati lit-tobba fuq il-bord. Imbagħad, il-bord ħa l-envelope u informa lill-koppja li se tkun qed tisma’ mingħandhom.
Fix-xhieda tagħha l-mara saħqet li lanqas laħqet poġġiet sakemm qalula li se tkun qed tisma’ mingħandhom u bagħtuha ‘l hemm. Fi ftit ġimgħat, il-koppja bdiet tirċievi pagamenti ta’ €450 fix-xahar.
Il-mara spjegat li għandha kundizzjoni medika u għaldaqstant kienu qed jirċievu għajnuna sabiex isibu mod kif jieħdu appoġġ finanzjarju; iżda d-dokumenti li ntużaw sabiex isir dan, allegatament, kienu ffalsifikati.
Dan ir-racket kien żvelat lura f’Settembru tal-2023, fejn allegatament Silvio Grixti, eks deputat Laburista kien jipprovdi dokumenti ffalsifikati sabiex persuni li mhux intitolati jieħdu l-benefiċċji soċjali – jeħduhom.
B’dawn id-dokumenti jkunu jindikaw li l-persuni għandhom xi tip ta’ diżabbiltà.
Huwa mifhum li dan ir-racket kien wieħed organizzat, b’numru ta’ individwi jkunu implikati li għenu jew irreferew persuni sabiex jieħdu dawn il-bejnefiċċi fosthom uffiċjali fil-Partit Laburista, uffiċjali tal-customer care f’Kastilja u anke persuni oħra madwar il-Ministri Laburisti.
//= $special ?>