Robert Abela jrid ibiddel il-liġijiet ta’ pajjiżna dwar kif isiru l-inkjesti maġisterjali għax intrabat li jagħmel hekk bħala parti mill-patt imxajtan li daħal fih ma ta’ qablu. Bil-kummenti tiegħu dalgħodu Robert Abela kkonferma li huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li r-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers għandu jiġi ppubblikat mill-Avukat Ġenerali mingħajr aktar dewmien biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf kemm insteraq bil-korruzzjoni.
Dalgħodu Robert Abela nesa jsemmi li l-proġett tal-powerstation tal-Electrogas inħoloq mill-Partit Laburista biex minnu ssir il-korruzzjoni bl-involviment tal-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista, fosthom Konrad Mizzi u Keith Schembri li kif stqarrew huma stess dejjem imxew skont l-istruzzjonijiet ta’ Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista se jirriżesti b’kull mezz possibbli u bil-qawwa kollha kwalunkwe mossa ta’ Robert Abela li biha jċaħħad jew inaqqas id-dritt ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi li jitlob li ssir inkjesta maġisterjali. Huwa skandaluż li wara li għamel xhur sħaħ jattakka lill-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna, Robert Abela issa jrid ibiddel il-liġijiet ta’ pajjiżna biex ifixkilhom jew iwaqqafhom fit-twettiq tad-dmirijiet ewlenin tagħhom: li jfittxu l-verità u jagħmlu ġustizzja.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fil-każijiet kollha ta’ korruzzjoni taħt Gvern Laburista ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Avukat Ġenerali u mill-Kummissarju tal-Pulizija, iżda kien biss bis-saħħa ta’ inkjesti maġisterjali li saret magħrufa l-verità u kellha tittieħed azzjoni fil-Qrati ta’ pajjiżna kontra l-ogħla esponenti tal-Partit Laburista, inkluż dawk involuti fil-patt imxajtan.
//= $special ?>