Ħafna nies jinsabu inkwetati. Il-Kummissarju ma ta ebda aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Marokkini maħruba. U l-Prim Ministru… skiet totali.
Wara ġranet sħaħ ma kien hemm ebda żblokk dwar il-Marokkini li fl-ewwel jum tas-sena ħarbu mill-ajruplan tat-Turkish Airlines.
Il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jibqa’ sieket f’intervista ta’ madwar 30 minuta fuq is-Super One, matul il-ġurnata tal-Ħadd dwar dan il-każ li qed iħalli effett fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna.
Fouad el Sellah ta’ 26 sena u Mohammed Lazaar ta’ 43 sena huma ż-żewġ Marokkini mfittxija mill-awtoritajiet Maltin wara li kienu, flimkien ma’ tnejn oħra, li ħarbu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Kien proprju fl-ewwel jum tas-sena meta ajruplan tat-Turkish Airlines għamel inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li Marokkin ta’ 28 sena ħass xi uġigħ. Hekk kif il-Marokkin ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei, kienu erba’ Marokkini li fetħu l-bieb tal-ajruplan, taw is-salt, qabżu mill-ajruplan u evitaw il-Forzi Armati ta’ Malta u għaldaqstant ħarbu mill-ajruport.
Ir-raġel li ħass xi uġigħ u tnejn mill-erbgħa li ħarbu jisfaw arrestati u rritornati lejn pajjiżhom.
Iżda, wara numru ta’ ġranet il-Pulizija għadha ma illokalizzatx lil el Sellah u Lazaar li kienu fost dawk li ħarbu mill-ajruplan. Bil-poplu ma jkollux l-iċken idea ta’ setgħux ħarbu minn pajjiżna jew jekk għadhomx moħbijin fl-irħula tagħna.
Ftit tal-ġranet ilu, kien ix-Xandir tal-Istat li rrapporta li sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija żvelaw li dawn il-Marokkini, kienu flimkien ma’ grupp ta’ 20 persuna li kienu qed jiġu deportati mit-Turkija lejn Marrakech.
Issa, għaddew numru ta’ ġranet, bil-Prim Ministru Robert Abela, bil-Ministru responsabbli għas-Sigurtà Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma jlissnux kelma waħda dwar dan il-każ li qed iħalli element ta’ biża’ fost il-familji Maltin u Għawdxin.
Filwaqt li l-Brigadier Clinton O’Neill, il-kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta jagħżel li ma jagħtix kummenti lil din il-kamra tal-aħbarijiet.
//= $special ?>