Lokali

Żewġ persuni jweġġgħu gravi wara ħabta fil-Bypass ta’ Birkirkara

Raġel u mara weġġgħu gravi wara ħabta bejn żewġ karozzi fil-Bypass ta’ Birkirkara.

Kien għall-ħabta tas-7AM meta isseħju l-Pulizija u Uffiċjali ta’ Transport Malta hekk kif seħħet ħabta bejn żewġ vetturi fi Triq Dun Karm f’Birkirkara.

Mill-ewwel stħarriġ jidher li kienu Honda misjuqa minn raġel ta’ 72 sena residenti l-Iklin u Swift misjuqa minn raġel ta’ 28 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, li għal xi raġuni mhux magħrufa kellhom impatt qawwi.

Tant hu hekk li mal-ħin isejjħu wkoll membri tas-CPD sabiex jassistu lis-sewwieq ta’ 72 sena joħroġ mill-karozza tiegħu.

Mar-raġel ta’ 72 li kien qed isuq il-karozza Honda kien hemm ukoll mara ta’ 66 sena.

It-tlett persuni involuti f’dan l-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Bir-raġel ta’ 72 sena u l-mara ta’ 66 sena jiġu ċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li ż-żgħażugħ ta’ 28 sena sofra xi ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.