Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, kienet bagħtet ċirkolari lil professjonisti mediċi kollha inkluż l-ispiżjara, biex ma jagħtux aktar tipi ta’ kalmanti lil Daniel Joe Meli għaliex kien qed jabbuża minnhom. Sadanittant tabib tal-ħabs qal jekk Meli jiġi estradit, diżordni li jbati minnha tista’ tigrava minħabba li jkun ‘il bogħod mill-familjari tiegħu.
F’seduti preċedenti kien diġà ħareġ li Meli kien qed jingħata l-kura minħabba problemi psikjatriċi li kien għaddej minnhom. Dwar din il-memo mibgħuta minn Gauċi, xehed tabib quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana meta kompliet tinstema’ l-kawża ta’ estradizzjoni fil-konfront ta’ Daniel Joe Meli ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, li jinsab akkużat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web u b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘hack forum’.
Tabib speċjalizzat fil-qasam tal-vizzji ta’ sustanzi illeċiti qal ukoll li fl-istess waqt Meli kien qed jabbuża mill-eroina u l-kannabis iżda d-dipendenza fuq il-kalmanti kienet waħda gravi u dan għaliex tagħmel ħafna ħsara meta tiġi kkonsmata mad-droga.
Huwa tenna wkoll li din tal-aħħar bdiet wara li Meli beda jbati minn ansjetà kbira u ddeċieda li jibda jibla kalmanta kull meta jħossu ħażin. Xehed ukoll tabib tal-ħabs li tressaq ukoll mid-difiża u qal li Daniel Joe Meli jbati minn diversi kundizzjonijiet fosthom l-artrite u għandu wkoll slipped disc li hija kundizzjoni fid-dahar li tikkawża ħafna tbatija.
It-tabib qal li fil-ħabs, Meli qed jingħata l-kura neċessarja għal kundizzjonjiet li għandu sabiex ma jiggravawx. Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk xi waħda mill-kundizzjonjiet jistgħux jiggravaw jekk jiġi estradit lejn il-Ġorġja, fl-Istati Uniti, it-tabib tal-ħabs qal li wħud mill-kundizzjonjiet li Meli għandu huma imprevedibbli.
Sostna li jekk Meli jiġi estradit, matul il-vjaġġ kollu jeħtieġ ikun assistit minn infermiera sabiex jinghata l-kura fl-immedjat. Fid-dawl tal-ansjetà u l-problemi ta’ saħħa mentali, it-tabib tal-ħabs qal lill-Qorti li jekk Meli jiġi estradit, it-tali diżordni tista’ tiggrava minħabba li jkun ‘il bogħod mill-familjari tiegħu.
Dan kien ikkonfermat ukoll mill-psikologa tal-ħabs u anke psikoterapista li t-tnejn raw lil Meli f’okkażjonijiet differenti u ddeskrivewh bħala bniedem paranojku u anzjuż ħafna, b’mod partikolari minn dik jbati minn dik li tissejjaħ ansjetà soċjali. Qalu li kawża t’hekk isibha diffiċli biex jitkellem jew jibni rapport ma’ individwu ieħor.
Kollox jindika li jekk Daniel Joe Meli jiġi estradit ser ikun qed jinżamm f’ħabs fil-Ġorġja, fejn jidher li kien taħt investigazzjoni riċentament. Dan ġie żvelat f’rapport ta’ 94 paġna mill-Uffiċċju tal-Avukat tad-Distrett tat-Tramuntana tal-Ġorġja li kkonkluda li l-priġunieri fil-ħabs ta’ Ġorġja huma suġġetti għal vjolenza, abbuż sesswali, theddid fuq ħajjithom filwaqt li s-sistema qed tonqos milli tipproteġihom.
L-investigazzjoni kkonkludiet ukoll li l-kundizzjonijiet tal-ħabs mhumiex biss perikolużi għal ħabsin iżda jqiegħdu f’riskju wkoll lill-impjegati tal-istess ħabs.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud. Meli qed ikun assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono.
//= $special ?>