Fil-festa tal-Epifanija tal-Mulej, tfal minn parroċċi differenti attendew bi ħġarhom għall-Ġublew tat-Tfal fil-Mosta, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f’din is-sena ġubilari bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’. It-tfal, flimkien mal-familji tagħhom u l-katekisti, attendew għall-quddiesa ċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna, li saret fil-Bażilika Minuri ta’ Santa Marija fil-Mosta. L-Arċisqof spjega lit-tfal għaliex din is-sena hi waħda speċjali li matulha l-Papa Franġisku jixtieq li nagħmlu festa kbira ta’ ħniena.
“L-ewwel nett nitgħallem naħfer; jekk ikun hemm xi ħadd idejjaqni nieħu paċenzja; jekk ikun hemm xi ħadd jagħmilli l-ħsara – ninsa malajr u nkompli bil-ħajja tiegħi. Meta Ġesù għallimna nitolbu, għallimna hekk: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Din hi l-festa tal-ħniena, li aħna ngħixu din it-talba li għallimna Ġesù.”
Lit-tfal, Mons. Arċisqof ħeġġiġhom ukoll biex f’din is-sena speċjali jagħmlu ħilithom “biex kuljum nagħmlu att ta’ mħabba. Filgħodu xħin tqum, għid: jiena se nagħmel att ta’ mħabba. Ngħin lill-mamà u l-papà, nobdi iżjed, nieħu ħsieb lil sħabi, kelma kontra xi ħadd ma ngħidhiex, u meta nitkellem, nitkellem biss tajjeb fuq in-nies. Kemm tkun aħjar kieku d-dinja kieku nagħmlu hekk!”.
Wara l-quddiesa, it-tfal assistew għall-wasla tat-tliet Slaten Maġi fuq iż-żwiemel, akkumpanjati mill-Iscouts, il-Girl Guides u l-abbatini tal-Mosta. Wara li l-Arċisqof bierek lill-folla preżenti, it-tfal imxew wara s-Slaten Maġi għal pellegrinaġġ qasir sal-Kappella tal-Madonna tal-Isperanza. Hemmhekk saret adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkarstija, b’mument ta’ talb akkumpanjat bil-barka sagramentali. Iċ-ċelebrazzjoni spiċċat b’innu ġdid għat-tfal, fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama, miktub minn Roderick White u kantat mill-kor tal-iskola St Francis ta’ Birkirkara. Dawk kollha preżenti ngħataw tifkira ta’ din l-esperjenza sabiħa ta’ tama.
L-attività tal-Ġublew tat-Tfal kienet organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal b’kollaborazzjoni mal-P
parroċċa tal-Mosta. Aktar dettalji dwar il-Ġublew f’Malta fuq gublew.mt.
//= $special ?>