Filwaqt li nesprimu tħassib serju dwar dawn l-annimali li nstabu fin-Naxxar u qed insegwu s-sitwazzjoni mill-qrib, ir-responsabbiltà biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni hija tad-Direttorat tar-Regolamenti Veterinarji (VRD). Fil-fatt, l-Uffiċċju tal-Kummissarju mhuwiex awtorizzat li jintervjeni jew jaġixxi direttament f’dan il-każ. Madankollu, jekk il-VRD jonqos milli jirrispondi fil-pront jew b’mod xieraq, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għandu l-awtorità li jinvestiga l-funzjonijiet u l-ħidma tal-VRD skont l-Artikolu 44A tal-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali. Waqt li għadna nistennew aktar żviluppi, s’issa, m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-VRD aġixxa b’mod mhux xieraq.
Dan intqal fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali biex jindirizza s-sejba riċenti u allarmanti ta’ erba’ ljuni u leopard miżmuma f’gaġġa fin-Naxxar.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju qal li jinsab f’komunikazzjoni kontinwa mal-VRD u huwa mgħarraf u aġġornat dwar l-għażliet diversi li qed jiġu kkunsidrati biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ dawn l-annimali u biex jittejbu l-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom. F’dan il-punt, ma nafux liema soluzzjoni speċifika se tiġi implimentata iżda wissejna lill-VRD li hemm bżonn li tittieħed azzjoni b’mod urġenti.
Huwa importanti li wieħed jifhem li l-annimali selvaġġi li jkunu trabbew fil-magħluq ma jistgħux jiġu rilaxxati fis-selvaġġ peress li dawn m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa biex ifendu għal rashom. Barra minn hekk, hemm sfidi sinifikanti biex dawn jintbagħtu f’xi santwarju apposta barra minn Malta. Dawn it-tip ta’ santwarji huma rari, u hemm ħafna annimali oħra li qed jikkompetu għal dawn il-postijiet limitati; annimali li s-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi tagħhom huma iżjed gravi u koroh, bħal dawk li jinsabu f’zoni ta’ gwerra li jieħdu prijorità, kompla jgħid l-Uffiċċju tal-Kummissarju.
Għaldaqstant l-Uffiċċju tal-Kummissarju għandu rwol kruċjali li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Ministeru responsabbli għall-ħarsien tal-annimali. F’dan il-każ, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju hija l-iżvilupp ta’ pjan urġenti u effettiv biex jiġu identifikati annimali selvaġġi illegali u mhux regolati f’Malta, u li jittieħdu l-passi kollha sabiex jiġi evitat li n-numri tagħhom ikomplu jiżdiedu. Minħabba l-ispazju u r-riżorsi limitati ta’ Malta mhux sostenibbli li nibqgħu nżidu annimali bħal dawn, partikolarment meta jkunu abbandunati, bħal f’dan il-każ riċenti, għax il-Gvern m’għandux l-istruttura biex jakkomodahom u jmantnihom.
Il-prijorità dejjem għandha tkun it-trattament xieraq tal-annimali taħt il-kura u l-kontroll tal-bniedem, u għalhekk inħeġġu lill-awtoritajiet kollha biex jikkollaboraw u jieħdu l-passi meħtieġa biex intejbu s-sitwazzjoni mill-aktar fis, temm jgħid l-Uffiċċju tal-Kummissarju.
//= $special ?>