Lokali

Il-bennejja m’għadx għandhom l-obbligu li jgħaddu minn eżami biex iġibu l-liċenzja

“Għalfejn m'intomx tipproteġu lill-uliedna?”

Tibdil fil-liġi li ddaħħal mill-Gvern wassal biex, fost l-oħrajn, il-bennejja m’għandhomx għalfejn jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni fuq bażi full-time. U agħar minn hekk, il-bennejja m’għadx għandhom l-obbligu li jgħaddu minn eżami biex iġibu l-liċenzja.

Dan it-tibdil li ddaħħal baxx baxx matul il-vaganzi tal-Milied, jgħid li l-bennejja, f’każ li ma jgħaddux minn dan l-eżami, ikunu jistgħu jagħżlu li jmorru quddiem il-kumitat u jiġu assessjati hemmhekk.

Wara dan it-tibdil, Isabelle Bonnici li fl-aħħar snin tilfet lil binha f’sit ta’ kostruzzjoni, staqsiet lill-Gvern għaliex bħallikieku qed jagħmel minn kollox biex ma jipproteġix lill-poplu u lill-uliedna.

Hi staqsiet ukoll għaliex il-Gvern qabad u mexxa b’dan it-tibdil bla ma saru ebda konsultazzjonijiet mal-esperti. Isabelle Bonnici qalet kif l-awtoritajiet kontinwament jagħmlu biss wegħdiet bla ma qatt jitwettqu.

Fi Frar tas-sena l-oħra kienet ġiet konkluża l-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li minnha ħareġ li ż-żagħżugħ kien miet f’sit ta’ kostruzzjoni mhux regolat; bl-istat jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà. Inkjesta Pubblika li qatt ma kienet tibda aħseb u ara kemm tkun konkluża kieku l-poplu Malti u Għawdxi ma niżilx fit-toroq jipprotesta… u kieku ma kienx hemm l-insistenza mill-Kap tal-PN Bernard Grech.