Internazzjonali

Il-Kanada: Justin Trudeau jirriżenja minn Kap tal-Partit — iżda se jkompli, għalissa, bħala Prim Ministru

Ritratt: Adrian Wyld (The Canadian Press)

Il-Kanada qed tħares lejn perjodu ta’ taqlib politiku wara li  l-Prim Ministru Justin Trudeau ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-partit fil-Gvern… Il-konferma kienet pjuttost sorpriża meta sa ftit ilu, kulħadd kien qed jistenna li Trudeau kellu jitkellem ċar dwar il-futur tiegħu waqt avveniment li l-Partit Liberali tiegħu qed iħejji għal nofs il-ġimgħa. B’hekk u koll Justin Trudeau żamm mal-pronostiku tal-media li kienet  ilha minn tmiem il-ġimgħa tindika li l-iżvilupp kien imminenti…

Trudeau, il-Prim Ministru Kanadiż għal dawn l-aħħar disa snin, ħabbar id-deċiżjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ottawa u fejn sostna li hu se jkompli bħala Prim Ministru sakemm jingħażel Kap ġdid għall-Partit Liberali.

Trudeau, waqt il-konferenza, qal li l-poplu Kanadiż ħaqqu jkollu għażla ġenwina u reali f’termini ta’ tmexxija meta jasal biex jivvota fl-elezzjoni ġenerali li jmiss u li se ssir din is-sena. Dan meta l-Parlament se jkun aġġornat sal-24 ta’ Marzu – bis-sitwazzjoni ma tfissirx ix-xoljiment ‘awtomatiku’ tal-Assemblea leġislattiva.

Fil-preżent qed jissemmew diġà il-Kapijiet ġodda potenzjali għall-Partit Liberali – fosthom l-eks-Viċi-Prm Ministru Chrystia Freeland, li, ix-xahar li għadda, irriżenjat minn Ministru tal-Finanzi. …Riżenja dovuta għal xi aspetti ta’ policies, fosthom kif  il-Gvern Kanadiż għandu jirreaġġixxi għat-theddid ta’ Donald Trump, li lest jimponi tariffi fuq l-esportazzjoni mill-Kanada.

Kandidat ieħor potenzjali għar-rwol ta’ Prim Ministru hu l-eks-uffiċjal tal-bank ċentrali Mark Carney.

Hu minnu, intant, li Justin Trudeau, fl-aħħar xhur, kien qed jitlef aktar popolarità fost il-votanti Kanadiżi, fost indikazzjonijiet li l-Partit tiegħu għandu jitlef l-elezzjoni ġenerali li se ssir din is-sena.

Jidher ukoll, issa, li Trudeau iddeċieda li jikkonferma l-intenzjoni  biex jitlaq minn Kap tal-Partit qabel il-laqgħa nazzjonali tal-Liberali li għandha ssir nhar l-Erbgħa. Hu mifhum li Trudeau. fil-fatt, għażel din it-triq biex il-poplu ma jassumix li d-deputati tal-partit tiegħu stess kienu qed iġiegħeluh biex iwarrab mit-tmexxija.

Kwalunkwe Kap ġdid tal-Liberali ikollu jistinka bil-kbir biex jirbaħ lura l-voti….Dan meta l-elezzjoni ġenerali fil-Kanada trid issir qabel Ottubru – bi kwalunkwe bidla fit-tmexxija tal-Partit Liberali fil-Gvern kapaċi żżid il-pressjoni għal votazzjoni bikrija fuq livell nazzjonali, fl-inqas żmien possibbli.