Internazzjonali Temp

Il-Kanada u partijiet sħaħ tal-Amerika fi stat ta’ emerġenza minħabba maltemp kbir

Aktar minn 60 miljun Amerikan jinsabu taħt twissijiet ta’ maltemp kbir li qed iġib miegħu silġ qawwi u temperaturi kesħin; xi ħaġa li ilha ma sseħħ aktar minn għaxar snin.

Ħafna mill-Kanada u 30 stat Amerikan – minn Kansas sal-Kosta tal-Lvant – jinsabu taħt twissijiet hekk kif hija mistennija li tagħmel borra ta’ bejn 15-30cm minn Ohio sa Washington DC.

Ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza f’Kentucky, Virginia, West Virginia, Kansas, Arkansas u Missouri. Anke partijiet ta’ Florida mistennija jesperjenzaw kundizzjonijiet ta’ kesħa kbira.

Esperti qed jgħidu li dan it-temp estrem qed ikun ikkawżat mill-vortiċi polari, zona ta’ arja kiesħa li tiċċirkola madwar l-Artiku.

Il-maltempata mxiet lejn il-Kosta tal-Lvant tal-Istati Uniti sal-Ħadd filgħaxija.

Partijiet tal-istat ta’ New York, s’issa, esperjenzaw mill-inqas 91cm ta’ borra.