Id-Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja (VRD) fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, stqarr li qed jinvestiga b’mod attiv każ li jinvolvi annimali perikolużi f’razzett fil-limiti tan-Naxxar wara rapport li wasal lill-awtoritajiet fejn diversi individwi ġew interrogati b’rabta mal-każ.
Din l-istqarrija ħarġet wara kważi ġimgħa sħiħa ta’ skiet assolut, b’diversi attivisti jappellaw sabiex tittieħed azzjoni.
Skont id-Direttorat, is-sejbiet inizjali jindikaw li l-post fejn qegħdin l-annimali mhux reġistrat skont il-Liġi u r-Regolamenti dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi. Dawn ir-regolamenti jistabbilixxu l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ annimali perikolużi u l-frieħ tagħhom, trasferimenti, reġistrazzjoni bħala persuna li żżomm annimali perikolużi u ż-żamma xierqa tagħhom f’Malta
Skont il-liġi, annimal perikoluż għandu jinżamm f’post adegwat u sigur li jirrispetta r-rekwiżiti tal-annimal perikoluż inklużi f’termini ta’ saħħa, indafa u mikroklima meħtieġa għall-benesseri tal-istess annimal.
L-annimali identifikati fir-razzett jinkludu erba’ ljuni u pantera, kollha klassifikati bħala annimali perikolużi.
Professjonisti veterinarji mill-VRD spezzjonaw il-bini u evalwaw is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-annimali. Dawn indikaw li l-annimali huma f’kundizzjoni fiżika tajba, għalkemm iljun wieħed qed juri sinjali ta’ kundizzjoni ortopedika li teħtieġ aktar attenzjoni. Kuntrarjament għal rapporti tal-midja, ma nstabet l-ebda evidenza ta’ ljuni mejta fis-sit.
Is-sit bħalissa qed jiġi mmonitorjat biex jiġi żgurat li l-annimali jibqgħu siguri u ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà pubblika filwaqt li jkunu mitmugħa u miżmuma f’ambjent nadif sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Il-VRD qed tesplora diversi għażliet, inkluż ir-rilokazzjoni tal-annimali f’faċilitajiet xierqa li jissodisfaw l-istandards kollha ta’ benesseri u sigurtà.
Se tittieħed azzjoni legali kontra l-allegati persuni responsabbli skont l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji u l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali.
//= $special ?>