Lokali Qorti

Il-mara li allegatament sakkret raġel u serqitu mixlija b’ħames serqiet bejn l-għada tal-Milied u nhar is-Sibt

Mara mill-Fgura ta’ 36 sena li allegatament sakkret f’gallarija żagħżugħ min-Nepal u serqitlu laptop mill-appartament, fil-Gżira (ritratt), nhar is-Sibt li għadda tressqet il-Qorti fejn b’kollox ġiet mixlija b’ħames serqiet li seħħew bejn l-għada tal-Milied u nhar is-Sibt, l-4 ta’ Jannar. Ftit ingħatat informazzjoni dwar l-allegati serqiet.

Milena Debono tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima u kienet assitita minn interpretu tal-lingwa tas-sinjali bil-Malti minħabba li hija nieqsa mis-smigħ u ma titkellimx. F’waħda mis-serqiet, il-mara allegatament daħlet fuq anzjana b’ġebla u serqitilha €250 fi flus kontanti.

Huwa mifhum ukoll li f’serqa oħra li seħħet fi Ġnien il-Kunsill Lokali fil-Ġżira, irriżulta li l-mara kienet akkumpanjata minn persuna oħra, liema persuna għadha qed tiġi mfittxija mill-Pulizija. Għalkemm dan ma kienx konfermat fil-Qorti, huwa mifhum ukoll li l-indirizz tal-mara huwa fil-Fgura, iżda qed tirrisiedi f’appartament ta’ raġel fil-Gżira, ma’ persuni oħra, ilkoll bil-vizzju tad-droga.

Xi jsir eżatt fl-appartament għadu mhux magħruf, iżda diversi persuni ntlemħu deħlin u ħerġin bil-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha. L-aħħar serqa mill-mara, allegatament seħħet is-Sibt li għadda, meta armata b’sikkina, ħabbtet fuq bieb ta’ appartament u daħlet fir-residenza li fiha kien hemm Nepaliż ta’ 28 sena.

Il-mara sakkret liż-żagħżugħ fil-gallarija, serqitlu laptop u ħarbet minn fuq il-post. Il-Pulizija spjegat li fil-ħames serqiet, l-imputata serqet flus kontanti, cash register u apparat elettroniku. Hija ġiet identifikata mill-cameras tas-sigurtà tal-akkwata fejn seħħ is-serq.

Debono, wieġbet mhux ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontriha. L-Avukat Franco Debono ddikjara li f’dan l-istadju ma kienx se jitlob għall-ħelsien mill-arrest tal-mara, iżda talab biex tinżamm fit-Taqsima Forensika fl-isptar Monte Camerli u tingħata l-kura neċessarja.

Il-Qorti lagħqet it-talbiet u rrakomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex Debono ma tinżammx fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Eman Hayman u Ian Azzopardi flimkien mal-Avukat Brendan Hewer f’isem l-Avukat Ġenerali. Debono kienet assistita mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.