L-Avukat Ġenerali għandha l-obbligu li tippubblika l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers, imma mhux talli mhux qed tonora dan l-obbligu imma talli qed iċċaħħad saħanistra lil min fetaħ l-Inkjesta milli jkollu kopja tal-konklużjonijiet.
Aktar kmieni llum tħabbar li ġiet irrifjutata talba li saret lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg biex tgħaddi kopja tal-Inkjesta lil Simon Busuttil u David Casa li kienu proprju huma li fetħu l-Inkjesta.
Dan ifisser li l-Avukat Ġenerali mhux talli ma ppubblikatx l-Inkjesta Maġisterjali kif qed jitlobha l-Partit Nazzjonalista, imma talli issa anke qed tirrifjuta li tgħaddi kopja lil min fetaħha. Li kieku ma kienx għall-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil u l-MEP Nazzjonalista David Casa, din l-Inkjesta lanqas biss kienet issir, għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali m’għamlu xejn.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika Claudette Buttigieg u x-Shadow Minister għall-Intern u Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott ikkundannaw din id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali u qalu li l-PN se jibqa’ jinsisti li l-Avukat Ġenerali tippubblika l-Inkjesta kollha mingħajr aktar dewmien, għax għandha obbligu li tippubblikaha immedjatament. Dan, sabiex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jafu min seraqhom il-miljuni u kemm insterqu bil-korruzzjoni.
Waqt li sellmu lil Simon Busuttil u David Casa li bl-għajnuna tal-Avukat Jason Azzopardi fetħu din l-Inkjesta, iż-żewġ kelliema sellmu wkoll lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li qabel qatluha kienet hi li żvelat l-eżistenza tas-17 Black u r-rabta tagħha mal-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff Keith Schembri.
“Daphne kellha raġun”, sostnew, waqt li komplew li wara dak li ġara llum, il-PN qed isaħħaħ l-għajta tiegħu biex l-Avukat Ġenerali ma tkomplix iċċaħħdu milli jkollu kopja ta’ Inkjesta li fetaħ hu stess, u ma tibqax tagħmilha ta’ forċina għall-Prim Ministru Robert Abela li qed jilgħab logħba meta jgħid li jaqbel li l-Inkjesta għandha tiġi ppubblikata.
Iż-żewġ kelliema fakkru kif fil-passat mhux l-ewwel darba li Abela ordna lill-Avukat Ġenerali biex tippubblika inkjesti, waqt li komplew jispjegaw kif Robert Abela m’għandux jagħmel intoppi jew manipulazzjoni biex il-verità ma toħroġx kif sar diġà fil-każ tal-Inkjesta tal-Vitals li spiċċat f’idejn il-Prim Ministru biex jagħmel manuvri biha b’mod abbużiv u illegali.
Ix-Shadow Ministers komplew jispjegaw kif il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas tressaq ukoll quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fejn l-Oppożizzjoni tellgħet numru kbir ta’ xhieda u anke hawnhekk mir-risposti, l-attitudni u l-kunflitti fix-xhieda ħarġu fil-beraħ nuqqasijiet kbar. Issa, bl-aħħar żviluppi, minn kwistjoni dwar amministrazzjoni ħażina ta’ fondi pubbliċi, il-każ inbidel f’wieħed kriminali.
Matul is-smigħ fil-Kumitat Parlamentari, il-Membri Parlamentari tal-Gvern Laburista fuq il-Kumitat għamluha kemm-il darba tal-avukati difensuri tax-xhieda – billi jinterrompu xhieda u jistaqsu domandi pwerili ikkargati b’riposti politiċi – fejn saħansitra waqqfu u vvutaw kontra li jitilgħu xhieda quddiem il-PAC, minħabba li għandhom maġġoranza ta’ voti f’dan il-Kumitat Parlamentari.
Matul l-istess investigazzjoni tal-PAC dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratti bejn l-Enemalta u l-konsorzju Electrogas – il-membri tal-Kumitat ippreżentaw ukoll kwerela quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija dwar xhieda taħt ġurament li kienet kunfliġġenti bejn numru ta’ persuni – liema rapport qatt ma ngħata aġġornament dwaru lid-Deputati. Dan apparti li numru ta’ persuni fetħu proċeduri fil-Qorti biex iwaqqfu l-proċeduri quddiem il-PAC.
Darren Carabott u Claudette Buttigieg fakkru li fi ftit xhur biss kienu tnejn il-kuntratti kbar tal-Gvern Laburista li mhux biss ġibdu kundanna dwar il-mod kif saru, imma se jittieħdu wkoll passi kriminali fil-konfront ta’ persuni qrib il-Partit Laburista: il-kuntratt tal-isptarijiet ma’ Vitals u Steward, u issa l-power station tal-Electrogas.
//= $special ?>