F’erba’ deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir, il-PBS reġa’ nstab ħati kemm li xandar reklamar politiku partiġjan li jikser l-obbligu tal-imparzjalità u anke li kiser direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar ir-reklami tal-Budget.
Hekk iddikjaraw Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali P; u Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete; fi stqarrija fejn żiedu jgħidu li wara li l-Public Broadcasting Services baqa’ jisfida anke l-ordni tal-Qorti u baqa’ jxandar reklami politiċi, l-Awtorità tax-Xandir ordnat lill-PBS biex ma jxandar l-ebda reklam dwar il-Budget mingħajr l-approvazzjoni tagħha.
Il-PBS kiser din id-direttiva diversi drabi u għalhekk instab ħati wkoll talli xandar dawn ir-reklami illegalment, komplew jgħidu Piccinino u Buttigieg.
Il-PBS kien immultat għexieren ta’ eluf ta’ ewro b’rabta ma’ kull waħda minn dawn l-akkużi. Il-Partit Nazzjonalista jispera li dawn il-multi jitħallsu minn min kiser il-liġi u mhux mill-poplu Malti u Għawdxi.
TVM difen din l-aħbar fil-bulletin tiegħu billi xandarha lejlet il-Milied, bid-deċiżjonijiet jinqraw proprju fit-8:30pm, lejn tmiem il-bulletin.
L-aħbar inqrat b’mod li ma jifhimha ħadd, bl-ebda riferenza għal xkienu l-każi li l-PBS instab ħati tagħhom, jew li kien il-Partit Nazzjonalista li ressaq dawn l-ilmenti.
Għax hu dgħajjef, Robert Abela qed jibqa’ jġiegħel lill-PBS jikser il-liġi billi jxandar reklami propagandisti favur il-Gvern Laburista, illegalment.
Il-PN se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex Robert Abela u l-Gvern tiegħu jieqfu jużaw l-istazzjon li suppost huwa tan-nies daqslikieku huwa Super One 2.
Ara d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir hawn.
//= $special ?>