Internazzjonali

Ir-Russja: L-Ukreni jippruvaw jespandu l-kontroll fl-artijiet ta’ Kursk – bil-battalji qed ikomplu

Is-suldati Ukreni li ilhom mill-Ħadd imexxu kontro-offensiva fit-territorji tar-Russja, qegħdin jiffaċċjaw reżistenza mit-truppi tal-Kremlin fir-reġjun ta’ Kursk.

Ir-Russi, akkost ta’ kollox, ma jaffordjawx li l-Ukreni jespandu l-kontroll ‘il hinn mill-artijiet ta’ Kursk li qed jokkupaw u bil-kelliema f’Moska jgħidu li l-Armata qed tuża l-artillerija u l-qawwiet tal-ajru biex twaqqaf l-avvanzi tal-Ukreni.

Iżda waqt li Moska qed tgħid li s-suldati Russi illimitaw l-avvanzi tal-avversarji għal ċerti zoni speċifiċi, l-uffiċjali fl-Ukrajna qalu li r-Russi f’Kursk jinsabu allarmati u ansjużi minħabba l-kontra-attakki sorpriża li l-Ukreni mexxew minn diversi direzzjonijiet.

Il-battalji ġodda għall-kontroll ta’ Kursk mistennija jkomplu fil-ġranet li ġejjin u meta diffiċli biex is-sorsi tal-aħbarijiet jikkonfermaw eżatt dak li qed iseħħ qalb iz-zoni tal-ġlied.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni f’Kursk tibqa’ miftuħa għal kwalunkwe żvilupp mindu l-qawwiet Ukreni daħlu f’dan ir-reġjun tar-Russja f’Awwissu li għadda – u fejn huma umiljaw lill-Kremllin bil-ħtif ta’ medda tal-art sostanzjali. U waqt li l-Ukreni kellhom jirtiraw minn xi zoni taħt il-pressjoni tal-Armata Russa, il-preżenza tagħhom f’Kursk xorta qed tkun imfissra bħala ‘sinifikanti’.