Lokali

L-awtoritajiet siekta dwar il-każ tal-ħarba taż-żewġ Marokkini

Il-jiem dejjem qed igerbu… u skiet itarrax mill-awtoritajiet. Dan hekk kif għaddiet kważi ġimgħa wara li ż-żewġ Marokkini, Fouad el Sellah ta’ 26 sena u Mohammed Lazaar ta’ 43 sena ħarbu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta flimkien ma’ tnejn oħra li diġà ġew estraditi.

Kien proprju fl-ewwel jum tas-sena meta ajruplan tat-Turkish Airlines għamel inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li Marokkin ta’ 28 sena qal li kien ħass xi uġigħ.

Hekk kif il-Marokkin ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei, kienu erbgħa l-Marokkini li fetħu l-bieb tal-ajruplan, taw is-salt, qabżu mill-ajruplan u żgiċċaw lill-Forzi Armati ta’ Malta – tant li rnexxielhom jaħarbu mill-ajruport.

S’issa l-Pulizija għadha ma llokalizzatx lil el Sellah u Lazaar. Bil-poplu għal jum ieħor għadu diżulluż dwar jekk is-sigurtà nazzjonali hux qiegħda tiġi aktar mhedda jum wara l-ieħor.

Dan apparti li s’issa għadu lanqas biss ġie kkonfermat jekk dawk iż-żewġ Marokkini ħarbux minn pajjiżna jew jekk għadhomx moħbijin xi mkien.

Ix-Xandir Nazzjonali kien irrapporta li sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija żvelaw li dawn il-Marokkini, kienu flimkien ma’ grupp ta’ 20 persuna li kienu qed jiġu deportati mit-Turkija lejn Marrakech. Għalkemm il-Pulizija ma qalux għal liema raġuni – jekk vera – kienu qed jiġu estraditi mit-Turkija.

Domandi li Net News bagħat lit-Turkish Airlines baqgħu mhux imwieġba.

Dan il-każ li qed iħalli element ta’ biża’ fost il-familji Maltin u Għawdxin, hekk kif issa għaddiet kważi ġimgħa… b’Robert Abela, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jibqgħu ma jikkummentawx.