Lokali

L-Eks Ministru Laburista Justyne Caruana qed iddaħħal fil-but €15,000 fix-xahar

€174,000

Daqshekk qed iddaħħal kull sena fil-but l-Eks Ministru Laburista Justyne Caruana minn erba’ impjiegi – xogħol li suppost jammonta għal madwar 120 siegħa fil-ġimgħa.

Dan ġie żvelat minn ‘The Shift News’ fejn ġie spjegat ix-xogħol li suppost qed tagħmel Justyne Caruana f’kuntratti li ġew approvati bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela.

Caruana hija l-unika Membru Parlamentari fl-istorja ta’ pajjiżna li ġiet imkeċċija darbtejn mill-Kabinett fl-istess leġiżlatura. U l-aħħar impjieg li ngħatat Justyne Caruana kien mad-Dipartiment tat-Taxxa fejn intgħażlet għal din il-konsulenza permezz ta’ direct order f’qasam li fih l-Eks Ministru m’għandha l-ebda esperjenza u li għalih qed titħallas €78,000 fis-sena għal 30 siegħa xogħol.

Apparti minn hekk, Justyne Caruana qed titħallas €3,000 fix-xahar talli qed isservi t’avukat f’isem l-Awtorità tal-Ippjanar f’Għawdex kif ukoll bħala konsulenta fil-Ministeru tas-Saħħa – b’20 siegħa għal kull job fil-ġimgħa.

Hija ġiet impjegata wkoll bħala person of trust fejn qed titħallas €20,000 fis-sena, apparti l-allowances żejda li qed titħallas. Qed tirċievi wkoll €40,000 oħra fis-sena bħala senior legal officer fil-Victims Support Agency.

L-impjieg fil-Victims Support Agency huwa l-unika wieħed li ngħatat wara li saret sejħa uffiċjali; b’Caruana applikat ġimgħa biss wara li tkeċċiet mill-Kabinett fl-2021.

Permezz ta’ dawn l-erba’ impjiegi l-Eks Ministru Laburista Justyne Caruana qed titħallas xejn inqas minn €15,000 fix-xahar.

L-ewwel darba li Caruana kellha tirreżenja kien lura fl-2020 proprju wara li ġie żvelat li l-Eks Assistemt Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta – li kien ir-raġel ta’ Justyne Caruana – kellu ħbiberija man-negozjant Yorgen Fenech.

Imbagħad f’inqas minn sena wara ġiet appuntata bħala Ministru tal-Edukazzjoni minn Robert Abela… iżda tkeċċiet wara li tat kuntratt irregolari ta’ €15,000 fix-xahar lis-sieħeb tagħha.