Sport

L-ewwel testijiet għal Lewis Hamilton

Scuderia Ferrari ħejjew programm ta’ ttestjar għal Lewis Hamilton li se jiżvolġi aktar tard dan ix-xahar f’Fiorano u f’Barcellona wara l-ewwel testijiet f’Mugello.

Is-seba’ darbiet champion tad-dinja se jagħmel id-debutt uffiċjali tiegħu ma’ Ferrari waqt it-testijiet ta’ qabel l-istaġun tal-F1 fil-Bahrain fis-26 ta’ Frar.

Qabel imur Sakhir, il-Britanniku mistenni jkollu żewġ opportunitajiet biex jidra mat-tim il-ġdid tiegħu u l-ekwipaġġi li se jaħdmu flimkien miegħu matul l-istaġun 2025.

Hamilton mistenni jagħmel testijiet f’Fiorano, il-korsa privata tat-tim, fl-20 jew fil-21 ta’ Frar – jekk it-temp jippermetti.

Hamilton ta’ 40 sena se jsuq il-vettura fil-provi kif permess mir-regolamenti tat-Testing of Previous Cars (TPC).

Il-programm huwa ddisinjat biex jagħti lil Hamilton ħin biżżejjed fil-korsa waqt li jibqa’ fil-limitu l-ġdid ta’ 1,000 kilometru impost fuq is-sewwieqa full-time mir-regoli aġġornati tat-TPC.  

Kien ikkonfermat ukoll li Riccardo Adami se jservi bħala l-inġinier tiegħu għall-istaġun 2025. Adami, veteran fis-settur, ħadem bħala inġinier tat-tellieqa ta’ Carlos Sainz (2021-24) u kellu rwol kruċjali matul il-mandat ta’ Sebastian Vettel fil-Ferrari mill-2015 sal-2020.