“In-nuqqas ta’ qbil dwar il-ftehim kollettiv tal-lecturers tal-MCAST qed ikompli jħalli impatt negattiv fuq l-edukazzjoni tal-istudenti u li jista’ jibqa’ magħhom wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom.”
Dan intqal fi stqarrija maħruġa minn studenti tal-MCAST hekk kif dħalna f’sena ġdida u għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil fuq il-ftehim kollettiv tal-lecturers tal-MCAST; ftehim li issa ilu li skada ‘l fuq minn tliet snin.
Fl-istqarrija l-istudenti fakkru li proprju ftit tax-xhur ilu bdew petizzjoni bl-isem ‘End the Academic Limbo’ li fost l-oħrajn wasslet għal diskussjonijiet fuq livell Parlamentari, protesta fuq il-kampus tal-MCAST bil-parteċipazzjoni ta’ mijiet ta’ studenti u protesta oħra quddiem il-Ministetru tal-Edukazzjoni.
L-istudenti spjegaw li d-direttivi qed joħolqu numru ta’ aspetti f’ħajjet l-istudenti; fosthom l-assignments u l-eżamijiet. B’eluf ta’ studenti tħallew kompletament fid-dlam dwar il-futur akkademiku tagħhom.
Dan apparti li qalu li bħalissa l-istudenti jinsabu inkwetati hekk kif m’għandhomx idea jekk hux se jagħmlu eżamijiet meta l-perjodu tal-eżamijiet jinsab wara l-bieb.
Intqal ukoll li ftit tal-jiem ilu l-President tal-MUT Marco Bonnici appella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex b’mod immedjat ikompli d-diskussjonijiet ħalli jintlaħaq qbil. Iżda sa issa, il-Gvern għadu jkaxkar saqajh.
Intant, il-PN ilu żmien twil jappella sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jagħti lil-lecturers tal-MCAST dak li jixirqilhom. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista sostna wkoll li d-dewmien għal qbil qed ikompli jaffettwa l-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
//= $special ?>