Lokali

Michael Caruana jiċċelebra l-150 grupp lejn Lourdes

Tour Leader li fuq medda ta’ 36 sena tella’ u mexxa madwar 6,750 persuna minn Malta u Għawdex lejn Lourdes

Intervista minn Joe Cassar f’In-Nazzjon

Min jaf lil Michael Caruana ċertament li jafu bħala ġurnalist veteran li għal snin twal ta s-servizzi tiegħu lill-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista In-Nazzjon u Il-Mument f’karigi diversi ta’ responsabbiltà. Imma min jafu aktar mill-qrib jassoċjah ukoll mal-vjaġġi li regolarment imexxi lejn il-belt Franċiża ta’ Lourdes, magħrufa l-aktar għad-dehriet tal-Madonna lil Bernadette Soubirous fis-sena 1858, liema dehriet kienu approvati uffiċjalment mill-Papa Piju IX erba’ snin wara.

Proprju f’Settembru li għadda, Michael Caruana tella’ f’Lourdes il-150 grupp immexxi minnu, tragward mhux faċli li mhux biss juri l-impenn u l-imħabba tiegħu lejn din il-belt ta’ devozzjoni Marjana, imma wkoll jixhed id-devozzjoni kbira li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom lejn il-Madonna ta’ Lourdes.

Għal din l-okkażjoni ltqajt miegħu u għamiltlu din l-intervista.

Michael, Lourdes għalik bdiet bħala destinazzjoni turistika jew xi ħaġa aktar minn hekk? Tiftakarha l-ewwel safra għal din il-belt u kif kienet din l-ewwel esperjenza u l-ewwel impressjoni tiegħek kif wasalt hemm?

Id-destinazzjoni Lourdes bdiet għalija bħal ħolma. Kont l-uffiċċju, ċempilli Jean Depasquale, dak iż-żmien id-Direttur Maniġerjali tal-EuroTours, u talabni mmur l-uffiċċju tiegħu. Qalli li l-Air Malta kienet se tibda tagħmel titjiriet chartered għal Lourdes u staqsieni ridtx immurx bi grupp. Ir-risposta tiegħi kienet fl-affermattiv u Jean talabni nibda nipprepara.

Bid-destinazzjoni Lourdes, fil-Lbiċ ta’ Franza, kont smajt u l-mara u jien konna mħajrin immorru. Kien jaqtgħalna qalbna l-vjaġġ. Dak iż-żmien stajt tmur l-ewwel Malta-Ruma bl-ajru u minn Ruma-Lourdes ridt tmur bil-ferrovija. Tnax-il siegħa u aktar. Inkella stajt qbadt ajruplan iehor għal Parigi u imbagħad aktar minn sitt sigħat ferrovija għal Lourdes.

Meta mort lura d-dar, għedt lill-mara bil-ħsieb ta’ Jean Depasquale u staqsietni kif se mmorru Lourdes bin-nies meta ma konniex għadna morna. Weġibtha li issa rrid nagħmel kif għamilt għal destinazzjonijiet oħra, bħall-Italja u l-Awstrija, nipprepara ruħi. U hekk bdejt nagħmel.  

Kienet se tkun safra b’żewġ elementi: id-devozzjoni u r-rikreazzjoni. Kif fil-fatt imbagħad kienu l-gruppi kollha li ġew wara u li għalhekk jien insejħilhom Pellegrinaġġ/Tour għal Lourdes.

Imbagħad tant intrabatt ma’ din il-belt li bqajt sena wara oħra ttella’ gruppi. Kif bdejt torganizzahom u tmexxihom dawn?

Waslet l-ewwel titjira tal-Air Malta għal Lourdes. Kienet is-sena 1988 u t-titjira kienet matul il-lejl. Il-mara u jien tlajna bl-ewwel grupp ta’ aktar minn 130 persuna. Kellna żewġ coaches kbar mimlija. Wasalna l-lukanda, qassamna l-kmamar u meta rajna li kulħadd daħal f’kamartu, il-mara u jien ħriġna nfittxu l-postijiet fejn ridna nieħdu l-grupp fl-ewwel ġurnata f’Lourdes. In-nies li kellna kienu ġew Lourdes ukoll l-ewwel darba. Fin-nofstanhar ta’ filgħodu, wara żjara lill-Madonna fl-Għar, kellna nżuru bil-mixi postijiet marbuta mal-ħajja ta’ Santa Bernadette.

Quddiem il-Madonna fl-Għar tlabt l-għajnuna tagħha u mill-ewwel ħassejt bħal serħan il-moħħ. L-affarijiet bħal inbidlu u ħassejtni qiegħed f’post familjari tant mill-ewwel għamilt kuntatti mal-Uffiċċju li Jieħu Ħsieb it-Talbiet tal-Gruppi u mal-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju u wkoll mal-Uffiċċju tat-Turiżmu. Il-fatt li jien ġurnalist għenni ħafna wkoll.  

Il-ħamest ijiem tagħna f’Lourdes għaddew bħal leħħa ta’ berqa. Kulħadd ħareġ sodisfatt bil-programm li organizzajt; bil-lukanda, l-ikel u s-servizzi provduti; bis-servizz li tana d-Direttur Spiritwali u fuq kollox bit-tmexxija tiegħi u ta’ marti. Dan ikkonfermajnieh fl-ajruport ta’ Ħal Luqa meta n-nies ġew biex jitilquna.

Xi kemm-il darba mort Lourdes, Michael, u kemm tellajt gruppi u nies matul dawn is-snin?

Minn dakinhar ’il hawn qatt ma ħarist lura tant li ftit wara kelli nitla’ bi grupp akbar. Din id-darba fuq 160 persuna (tliet coaches kbar) u minn barra l-mara kien tela’ jgħinni John Busuttil. Minn grupp għall-ieħor titgħallem. Dejjem fittixt li nkabbar il-kuntatti tiegħi f’Lourdes u sirt ħabib mas-sidien u l-impjegati tal-lukandi fejn konna nkunu u aktar max-xufiera, il-parti l-kbira tagħhom anzjani, li għallmuni ħafna. Bdejt allura ntejjeb il-ħiliet tiegħi għax imbagħad l-esperjenza bdiet turini kif l-aħjar inqassam, norganizza u ntejjeb l-affarijiet.

Eżempju: waħda mill-ewwel affarijiet li bdejt nagħmel kienet li nniżżel in-nies (s’intendi lil min ried) jinvista lill-Madonna fl-Għar l-ewwel ħaġa malli naslu. Kien ikun matul il-lejl, ħafna minna għajjenin wara aktar minn ħames sigħat barra, imma s-sagrifiċċju li konna nagħmlu kien minnufih jagħtina riżultat. Wara kulħadd jibda jiġi jirringrazzjani u jsemmili x’esperjenza għadda minnha f’dak is-skiet u f’dik il-paċi.  

Mill-1988 ’il hawn bqajt immur Lourdes kull sena. Ma mortx biss fis-sentejn tal-COVID meta ma sarux titjiriet għal Lourdes. Fl-ewwel snin mexxejt ħames jew seba’ gruppi fis-sena. Kien hemm snin meta fis-sajf kont nagħmel ġimagħtejn Lourdes nistenna grupp wara ieħor. Dak iż-żmien il-pellegrinaġġi/tours kienu jkunu ta’ erba’ jew ħamest ijiem. L-istess kif qed ikunu llum. Id-differenza kienet fil-ħin tat-titjiriet. F’Settembru li għadda tellajt il-150 grupp. Bejn wieħed u ieħor kelli miegħi f’dawn is-36 sena mas-6,750 persuna.

Illum mhux biss immur Lourdes bħala tour leader tal-aġenzija EuroTours, iżda ħafna kappillani, retturi ta’ skejjel u knejjes u organizzazzjonijiet volontarji jitolbuni norganizzalhom il-grupp jien.

Minn Malta teżisti statistika ta’ kemm saru vjaġġi lejn din id-destinazzjoni? U llum kemm isiru vjaġġi lejn Lourdes kull sena?

Statistika tinżamm iżda trid titlobha int u mhux dejjem faċli li jagħtuhielek. L-Air Malta kull sena kienet torganizza numru ta’ chartered flights bejn nofs Lulju u nofs Settembru (xahrejn) u aktar tard bdiet torganizza titjira jew tnejn għall-Għid il-Kbir u għall-festa tal-Kunċizzjoni. Kien hemm snin meta organizzat ukoll chartered flight għal Mejju għall-pellegrinaġġ annwali tal-Ordni ta’ San Ġwann u matulhom (qed nieħu l-aħjar perjodu bejn l-2004 u 2016) ġarret lejn Lourdes u lura medja ta’ 7,609 passiġġieri f’xahrejn kull sena. Imbagħad bdiet titjiriet bl-iskeda għas-sajf u f’sentejn ġarret medja ta’ 7,005 passiġġieri. Minn wara l-COVID, l-Air Malta ma baqgħetx torganizza titjiriet chartered jew bl-iskeda lejn Lourdes jekk ma jitolbuhiex l-aġenti tal-ivvjaġġar.

Minn wara l-COVID ukoll, mill-1 ta’ Novembru 2021, bdiet titjiriet bl-iskeda għal Lourdes u lura l-kumpanija tal-ajru Ryanair u, skont kelliem għall-Uffiċċju tat-Turiżmu f’Lourdes, kull sena qed iġġorr medja ta’ aktar minn 20,000 passiġġier.

Sinċerament ma nafx għaliex l-Air Malta ma sfruttatx dan is-suq (kien hemm ħafna Franċiżi li meta saru jafu b’Malta xtaqu jżuruha) u għaliex ma baqgħetx torganizza t-titjiriet li kienet torganizza. Kif juru ċ-ċifri li tajtek, Ryanair sfruttat is-suq u l-maġġoranza tal-passiġġieri li qiegħda ġġorr minn u lejn pajjiżna huma Franċiżi. Il-passiġġieri li ġarret l-Air Malta nista’ ngħidlek li kienu kollha Maltin.

Iċ-ċifri juru li d-destinazzjoni Lourdes għadha fost il-Maltin waħda popolari.  

Kif tispjegaha l-ewwel impressjoni ta’ min jiġi miegħek Lourdes għall-ewwel darba?

Lourdes jitilgħu nies bi ħsibijiet differenti. Hemm dawk li jitilgħu Lourdes l-ewwel darba jitolbu lill-Madonna xi grazzja. Hemm dawk li jitilgħu Lourdes b’kurżità. Hemm imbagħad min jitla’ Lourdes it-tieni darba biex jirringrazzja lill-Madonna għall-grazzja li jkun qala’ u hemm dawk li wara li jkunu telgħu l-ewwel darba għad-devozzjoni, għar-rikreazzjoni u biex jagħmlu dawk l-erba’ jew ħamest ijiem fil-kwiet jibqgħu, sakemm saħħithom tippermetti, jitilgħu kull sena. Dawn huma nies li qed jiżdiedu kull sena u li llum qed ifittxu lukandi qrib is-santwarju. Bħalma qed jiżdiedu kull sena dawk il-familji u individwi li qed jitilgħu Lourdes għal rashom.

Biss telgħu meta telgħu Lourdes u għal liema raġuni telgħu, dawn fil-parti l-kbira tagħhom, jinbidlu. Nara din il-bidla f’wiċċhom, fl-attitudni u fl-imġiba tagħhom partikolarment jekk ikunu ħadu l-parti reliġjuża bis-serjetà.

Michael, qed issemmi li tara ħafna jinbidlu. Kellek nies li esperjenzaw xi forma ta’ miraklu?

Ma neskludi xejn. Kull grupp li tellajt s’issa għandu storja u esperjenzi, għalih. Naf b’koppji li wara numru ta’ snin telgħu jitolbu l-grazzja li jkollhom tarbija u għal waħda, kellhom tnejn, tlieta! Kelli miegħi nies li kellhom mard terminali jew xi kundizzjoni u fiequ. Iżda l-akbar miraklu, grazzja, li nara f’kull grupp hi l-konverżjoni. Kemm nies wara snin ma jersqux lejn il-knisja, ma jirċevux is-sagramenti u saħansitra ma kinux jifilħu jaraw saċerdot li kemm damu Lourdes ikkonvertew! Dan grazzi wkoll għas-sehem li jagħtu ċerti saċerdoti li jkunu miegħi bħala Diretturi Spiritwali.  

Hu minnu li min imur Lourdes darba jerġa’ jmur darb’oħra jew saħansitra bosta drabi oħra?

Iva. Kif semmejtlek qabel ikolli kull sena, f’kull grupp, nies li jkunu diġà telgħu Lourdes. Ikolli miegħi u naf b’nies li baqgħu jitilgħu Lourdes, issa għal rashom, kull sena.

X’inhu dak li jattira daqstant nies għal dan il-post? Il-ġmiel naturali ta’ din iz-zona ta’ Franza jew l-esperjenza spiritwali?

Għall-ħafna, inkluż għal dawk li jitilgħu b’kurżità, l-ewwel ma tattirahom hi l-esperjenza spiritwali li jiksbu. Imbagħad, bħal kulħadd, il-ġmiel naturali, l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ Lourdes u tal-madwar bil-muntanji Pirinej u b’dawk l-irħula tipiċi Franċiżi. Dan minbarra attrazzjonijiet oħra li hemm.

Nisma’ xi wħud li għadhom qatt ma marru Lourdes li għandhom l-impressjoni li hemmhekk se tara biss persuni morda u iktar se tagħmel dwejjaq milli tieħu gost bil-vaganza tiegħek. Għandha verità din l-impressjoni?

Sa ċertu punt dan hu minnu. Għandi ħbieb tiegħi li jkellmuni dwar Lourdes u bagħtu miegħi lil marthom u lil uliedhom, iżda huma qatt m’għamlu l-kuraġġ u telgħu Lourdes. Biss naħseb li din hi xi ħaġa aktar f’moħħ dak li jkun, perċezzjoni. Mhux għax meta qiegħed fis-santwarju, l-aktar fil-viċinanzi tal-Għar, mhux se tara anzjani, persuni b’diżabbiltà u morda f’wheelchairs u strecthers. Meta nara dawn, personalment nirringrazzja lil Alla u nfaħħar xogħol il-voluntiera li jkunu magħhom, ħafna minnhom żgħażagħ. Ara fejnhom iż-żgħażagħ, nirrimarkalhom lil dawk li  jkunu miegħi.

Nafu li int, ftit żmien ilu, ippubblikajt ktieb bil-Malti dwar Lourdes. Xi tgħidilna dwar dan il-ktieb?

Fl-2022, f’perjodu ta’ erba’ xhur, ippubblikajt tliet edizzjonijiet tal-ktieb tiegħi Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar. Ktieb li fih tajt ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi dwar Lourdes. Fil-fatt, filwaqt li t-tagħrif li nagħti fil-parti l-kbira ssibu bejn wieħed u ieħor f’kotba oħra dwar Lourdes, l-esperjenzi li nsemmi huma esklussivi u taw saħħa lil dan il-ktieb li bi pjaċir ngħid li nbiegħ kollu. Forsi baqa’ kopja jew tnejn f’żewġ bookshops.

Għandi talba biex noħroġ bil-Malti r-raba’ edizzjoni, iżda l-aktar importanti hi t-talba li saritli mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju u mill-Uffiċċju tat-Turiżmu f’Lourdes biex naqilbu għall-Ingliż. Nixtieq nagħmel it-tnejn, iżda llum l-ispejjeż tant għolew li jekk ma nsibx sponsor mhux lest li nidħol għal dax-xogħol. Mhux se nitlob għajnuna mis-Santwarju għax naf bl-istat finanzjarju li reġa’ jinsab fih. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tat-Turiżmu jisponsorja xogħlijiet tiegħu.

Dan l-aħħar qrajna wkoll li saru santi bil-Malti u dawn, flimkien mal-ktieb tiegħek, wieħed jista’ jsibhom fil-bookshop qrib il-Grotta ta’ Lourdes. Qed ngħid sew? Din inizjattiva tiegħek ukoll?

Iva. Meta tlajt Lourdes bl-ewwel grupp tiegħi wara l-COVID, mill-Uffiċċju tas-Servizzi fejn immur nikkonferma s-servizzi li nkun tlabt minn qabel u nagħti d-donazzjoni li nkun ġbart mingħand in-nies, tawni Santa tal-Madonna b’talba fuq wara differenti milli kienu jagħtuni qabel: Att ta’ fiduċja fil-Madonna. Hi talba sabiħa u wara li nqalbet għall-Malti fl-2022 inkludejtha fil-ktieb tiegħi Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar. Tard fl-2023, wara li kont diġà ġibt in-Nihil Obstat mill-Kurja ta’ Malta għaliha, iddeċidejt li nistampa s-santa bil-Malti. Dan grazzi għall-ġenerożità li sibt ta’ mara mill-Belt.

Din is-sena, waqt li kont Lourdes bl-ewwel grupp għedt b’dak li għamilt lill-Uffiċċju tas-Servizzi u talabni biex id-darba ta’ wara ntella’ miegħi dawn is-santi ħalli jibdew iqassmuhom minn hemm ma’ santi simili bit-talba, iżda b’ilsna differenti. Din kienet l-ewwel darba li santa bil-Malti bdiet titqassam b’xejn minn dan l-Uffiċċju. Illum tour leaders u persuni oħra Maltin li jitilgħu Lourdes għal rashom jistgħu jmorru ċ-Ċentru Informazzjoni u jitolbu din is-santa.

F’liema perjodu tas-sena jsiru l-vjaġġi minn Malta lejn Lourdes? U meta huwa l-vjaġġ li jmiss?

Illum wieħed jista’ imur Lourdes kważi s-sena kollha. Grazzi għall-kumpanija tal-ajru Ryanair bejn April u Settembru qed ikun hemm żewġ titjiriet fil-ġimgħa, l-Erbgħa u s-Sibt, u minn din is-sena t-titjiriet minn Malta se jitilqu filgħodu u minn Lourdes għal Malta filgħaxija. Dan ifisser li dak li jkun se jkollu kważi jumejn sħaħ oħra.

Jekk il-Bambin irid, din is-sena jmissni mmexxi l-ewwel pellegrinaġġ/tour għal Lourdes għall-Għid il-Kbir li ġej. Se nitilqu s-Sibt filgħodu u niġu lura l-Erbgħa filgħaxija. Gruppi li minn kemm ilhom isiru u, meta fil-fatt saru, dejjem mort bihom jien. Is-sena li ġejja l-Għid il-Kbir se jiġi ċċelebrat tard f’April: żmien sabiħ ħafna.

X’parir tagħti lil dawk li għadhom jaħsbuha għandhomx jagħżlu Lourdes għall-ewwel darba għal xi vjaġġ futur tagħhom?

Il-parir tiegħi lil dawn hu wieħed: tħallux aktar żmien jgħaddi. Id-destinazzjoni Lourdes mhix għall-Kattoliċi prattikanti biss. Qed ngħid dan mhux biss mill-esperjenza, iżda wkoll għax minn ċifri li tani l-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju jirriżulta li kull sena minn medja ta’ ħames miljun persuna li jżuru Lourdes huma biss mat-tliet miljun persuna li jersqu lejn is-Santwarju (jiġifieri lejn l-Għar fejn dehret il-Madonna u l-bażiliċi li hemm fil-madwar).

L-akbar attrazzjoni ta’ Lourdes jibqa’ s-santwarju, iżda mbagħad hemm l-attrazzjonijiet tal-belt innifisha u tal-muntanji, l-ibliet u l-irħula ta’ madwar li huma aċċessibbli f’ħin relattivament qasir fost xenarju mill-isbaħ.  

Informazzjoni uffiċjali li għadni kemm ksibt turi li s-sena li għaddiet Lourdes laħaq iċ-ċifra ta’ nies li żaruh qabel il-COVID. Din is-sena – avolja f’Ruma qed tkun ċelebrata s-Sena tal-Ġublew – qed jistennew li jaqbżu ċ-ċifra tal-2024. Aħseb kmieni biex int tkun parti minn din iċ-ċifra.