Lokali Qorti

Multa talli kkaġuna feriti ħfief fuq uffiċjal ta’ Transport Malta

Raġel ta’ 40 sena mill-Għarb, Għawdex, ġie mmultat ukoll €1,500, wara li nstab ħati li kkaġuna feriti ħfief lill-uffiċjal ta’ Transport Malta wara argument marbut ma’ parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbiltà fir-Rabat, Għawdex.

Il-każ seħħ fit-12 ta’ Diċembru tal-2022 għall-ħabta tal-10:45am hekk kif l-akkużat George Mario Farrugia ipparkja l-karozza tiegħu f’parking adegwat għal persuni b’diżabbiltà fi Triq Għajn Qatet. Ftit metri ‘l bogħod, kien hemm l-uffiċjal ta’ Transport Malta, Joseph Muscat.

Kien hemm ukoll żewġ uffiċjali tal-LESA, Luke Saliba u Marvic Sultana. Muscat kien qed jidderieġi t-traffiku minħabba li triq fil-viċinanzi kienet magħluqa. Minn filmati tas-CCTV li ġew esebiti mill-Prosekuzzjoni, il-Qorti rat kif l-akkużat ipparkja u ħareġ mill-vettura tiegħu u mar fid-direzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi.

Il-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex osservat li din mhux suppost kienet id-direzzjoni li Farrugia ried imur fiha hekk sussegwentement huwa mexa fid-direzzjoni opposta. Mill-cameras tas-sigurtà, huwa deher li qed jgħidilhom xi kliem, u mbagħad beda jimxi fid-direzzjoni ta’ Pjazza San Franġisk.

F’dan il-ħin, l-uffiċjali tal-LESA sejħu lill-akkużat, b’dan tal-aħħar idur lura u jagħmel mossa oxxena fil-konfront tal-uffiċjali billi mess il-parti privata tiegħu. Mill-istess filmat deher li Saliba talab lil Farrugia biex juri l-card il-blu tad-diżabbiltà.

Kien hawn meta saħnet il-biċċa, bl-argument inqala’ hekk kif l-uffiċjal Saliba ra l-card u l-akkużat ħareġ idejh biex jeħodha lura, l-uffiċjal tefa’ l-card fuq is-seat tax-xufier tal-vettura minflok għadda l-card lill-istess akkużat.

L-akkużat intilef f’dagħdigħa

Il-Qorti osservat li kien f’dan il-punt li Farrugia ntilef f’dagħdigħa u mar b’mod aggressiv fid-direzzjoni tal-uffiċjal tal-LESA possibilment biex jaggredih. Fil-pront, l-uffiċjal ta’ TM Muscat deher iwaqqaf lill-akkużat milli javviċina lil Saliba, hekk kif żammu bil-forza neċessarju mal-ħajt tal-Knisja.

Mill-filmati miġbura, l-akkużat deher ukoll li kien qed jattakka lill-uffiċjal ta’ Transport Malta b’xi oġġett, li mix-xhieda tagħhom it-tliet uffiċjali identifikaw bħala ċavetta ta’ vettura li tinfetaħ bħal mus. Farrugia ġabar il-mobile li kien waqagħlu aktar qabel fil-kommossjoni u telaq fid-direzzjoni ta’ Pjazza San Franġisk filwaqt li baqa’ jindirizza kliem fil-konfront tal-uffiċjali involuti.

Fil-Qorti ma nstema’ ebda kliem fil-filmati, mir-rapport tal-uffiċjali mal-Pulizija ġie indikat li xħin l-akkużat wasal bil-vettura tiegħu kien mar fuqhom, qalilhom li kien hemm karozzi pparkjati illegalment f’żewġ parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbiltà u indirizzahom bi kliem: “Qiskom tliet boloh! Hemm żewġ karozzi pparkjati illegalment fuq żewġ spazji tad-disabled morru u ħarrkuhom mhux qegħdin hawn, qiskom tliet iċċassati.”

L-uffiċjali involuti sostnew ukoll li l-akkużat indirizza wkoll kliem oxxen fil-konfront tagħhom u anke qalilhom diskors fis-sens li kien sejjer jirrapportahom il-Ministeru biex itellfilhom xogħolhom. Muscat aktar tard mar l-Għassa tal-Pulizija fejn ippreżenta ċertifikat mediku li kawża tal-istess inċident huwa kien ġarrab ġrieħi ħfief.

Il-feriti kienu jikkonsistu biss f’girfa superfiċjali fuq in-naħa ta’ wara tar-ras, in-naħa ta’ isfel tal-lemin u li tali ferita kienet tikklassifika bħala waħda ta’ natura ħafifa. Minkejja li d-difiża sostniet li l-akkużat kien qiegħed jiġi mħabbat mal-ħajt minn Muscat, il-Qorti kkunsidrat li li filwaqt li Muscat kien imbotta lill-akkużat biex ibiegħdu minn Saliba, mill-filmati esebiti ma rriżultax li uża forza aktar minn dik neċessarju. Il-Qorti qalet li Muscat kien sempliċiment qed iżommu bil-għan li l-akkużat jikkalma.

Għaldaqstant hi konvinta li ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn l-istess akkużat kellu jaggredixxi lil Muscat, iktar u iktar hekk kif Muscat ġie involut sempliċiment sabiex l-argument ma jkomplix jeskala. Il-Qorti kkunsidrat ukoll li minkejja li l-uffiċjal tal-LESA Saliba stqarr li l-akkużat irrifjuta li jieħu l-card mingħandu minħabba l-Covid, rat li ma kienx korrett hekk kif mill-filmati, l-akkużat deher joħroġ idu biex jieħu l-card lura.

Kompliet li għalkemm l-istess Saliba seta’ kien irrabjat għall-kliem dispreġjattiv li l-akkużat kien indirizza fil-konfront tiegħu u tal-uffiċjali l-oħra li kienu miegħu, dan ma kienx jawtorizzah li huwa jaqbad u jitfa’ l-card fil-vettura tal-akkużat, liema azzjoni ta’ Saliba waslet sabiex is-sitwazzjoni eskalat.

Tgħajjir ta’ ċassi, boloh u buffi fil-konfront tal-uffiċjali

Mill-provi rriżulta wkoll li qabel mal-uffiċjali bdew jitkellmu mal-akkużat, hu kien diġà mexa fid-direzzjoni tagħhom u għajjarhom ċassi, boloh u buffi, liema konversazzjoni ma ġietx meqjusa normali iżda bl-intenzjoni mill-akkużat biex inaqqas ir-rispett u l-ġieħ tal-istess uffiċjali.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Farrugia ħati li kkaġuna feriti fuq uffiċjal pubbliku, li għajjar u hedded lill-uffiċjali tal-LESA kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Huwa ġie mmultat ukoll €1,500, u ordnat għall-provediment tas-sigurtà għall-uffiċjal ta’ TM Joseph Muscat, kif ukoll tal-uffiċjali tal-LESA Luke Saliba u Marvic Sultana.

Fis-sottomissjonijiet tagħha l-Qorti, meta waslet biex tagħti s-sentenza, qalet li huwa minnu li l-inċident eskala wara li l-uffiċjal Luke Saliba tefa’ l-blue badge card fil-vettura tal-akkużat. Huwa minnu wkoll li l-akkużat għandu problemi ta’ saħħa u hawn il-Qorti tissimpatizza miegħu.

Però, dan kollu bl-ebda mod u manjiera ma kien jintitola lill-akkużat li huwa jġib ruħu bil-mod kif ġab ruħu partikolarment fil-konfront tal-uffiċjal Joseph Muscat, li fl-aħħar mill-aħħar kien biss qiegħed jipprova jikkalmah u xejn aktar.

Għalhekk il-Qorti ma tqisx li l-kundizzjoni ta’ saħħa tal-akkużat jew l-azzjoni ta’ Luke Saliba għandhom
iwasslu għal xi forma ta’ mitigazzjoni fil-piena. Il-Qorti rabtet ukoll lill-ħati biex iżomm il-paċi pubblika għal perjodu ta’ sena taħt penali ta’ €1,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Bernard Charles Spiteri.