Aktar minn 250 atleta minn klabbs u skejjel differenti nġabru fl-istadium tal-atletika fil-Marsa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hekk kif Rush Athletics Club organizza l-meeting li issa sar sinonimu mal-bidu tas-sena b’taħlita ta’ track u field events, li offrew lill-atleti opportunità li jsaħħu t-tħejjija tagħhom għal kumplament tal-istaġun.
Is-60m sprint offriet taqtigħa mill-aqwa kemm fost it-tfajliet kif ukoll fost l-irġiel. Thea Parnis Coleiro (Rush AC) rebħet it-tellieqa femminili b’ħin ta’ 7.87s, quddiem Alessia Cristina ta’ Pembroke (8.12s), filwaqt li Carey Spiteri, ta’ Rush ukoll temmet it-tielet b’8.13s. Fost l-irġiel, sfida sal-aħħar nifs bejn Kurt Zahra (Rush AC) li jikseb id-deheb f’ħin ta’ 7.21s quddiem Luca Gerada b’7.24s.
It-300m hurdles wasslet għal żewġ rekords fuq l-erba’ heats ta’ dan l-avveniment. Zaida Pace ta’ Rush kisbet l-ewwel post f’din il-kompetizzjoni, hekk kif il-ħin ta’ 46.64s fisser ukoll rekord nazzjonali fuq livell ta’ Under 23 u Senior. Fit-tieni post, Kayleigh-Anne Ellul, b’ħin ta’ 48.92s, kisbet l aħjar riżultat tal-kategorija ta’ taħt is-16-il sena.
L-istess Pace għaqqdet doppjetta personali meta rebħet it-300m f’ħin ta’ 42.60s.
Fis-600m, rebħa tajba għal Isaac Bonnici fir-ritorn tiegħu f’avveniment kompetittiv, bl-atleta ta’ Rush jirreġistra ħin ta’ 1:21.49. Fost it-tfajliet, sfida bejn atleti ta’ Żurrieq, Mireya Bugeja u Martha Spiteri b’tal-ewwel tirbaħ f’1:37.17.
Fl-itwal tellieqa tal-programm, fuq 3000m, Thomas Grech (La Salle) kiseb l-ewwel post b’ħin ta’ 9:17.72, quddiem Isaac Luca Scicluna (Rush AC) li temm b’ħin ta’ 9:24.71.
Il-meeting inkluda wkoll kompetizzjonijiet f’bosta avvenimenti ta’ qbiż u tfigħ, inkluż long jump, hammer throw, javelin, shotput, discus u ball throw, xhieda tal-popolarità dejjem tikber ta’ dan l-isport, b’mod partikolari b’parteċipazzjoni b’saħħitha ta’ tfal u żgħażagħ.
//= $special ?>