L-ewwel tellieqa mill-Hudson Race Series għall-2025 saret fir-rotta tat-tlett ibliet fejn Mark Herrera u Jemima Farley rebħu fl-10 kilometri, filwaqt li Alessandro Vizzini u Charyl Fava rebħu dik tal-5 kilometri.
300 parteċipant ħadu sehem fl-ewwel tellieqa tal-Hudson Race Series fir-rotta storika fil-Kottonera. Il-parteċipanti setgħu jagħżlu bejn żewġ distanzi —10km jew 5km.
Fit-tellieqa ta’ 10 kilometro, Mark Herrera ħa t-tmexxija quddiem Jemima Farley, li kienet viċin ħafna għal parti kbira tat-tellieqa, sakemm fil-ħames kilometru Herrera fetaħ il-vantaġġ. Minkejja dan, Farley kienet it-tieni atleta li daħlet fil-linja finali, u b’hekk rebħet il-kategorija tan-nisa.
It-tieni raġel li temm kien Daniel Portelli, segwit minn Gianni Ciappara. Wara Farley fuq il-podju tan-nisa temmew Josann Attard Pulis u Ritianne Zammit.
Fit-tellieqa ta’ 5 kilometri Alessandro Vizzini rebaħ b’distakk ta’ żewġ sekondi fuq Kersten James filwaqt li Miguel Cassar daħal fit-tielet post. Fit-tellieqa tan-nisa, Charyl Fava rebħet fuq Nadia Mifsud u Lorna Mifsud.
Fost il-parteċipanti kien hemm l-atleta veteran Godwin Tonna, li għandu r-rekord impressjonanti li ħa sehem f’kull edizzjoni minn meta bdiet is-serje fl-2015.
It-tellieqa li jmiss se ssir fis-6 ta’ April fil-Maqluba.
//= $special ?>