Jean-Marie Le Pen, il-politiku estremista tal-lemin veteran, miet fl-età ta’ 96 sena u meta hu kien ilu żmien ma jieħu sehem attiv fil-politika ta’ pajjiżu.
Le Pen kien il-fundatur tal-Partit tal-Front Nazzjonali – illum Rally Nazzjonali Franċiż – li fl-aħħar snin sar forza politika fi Franza. Partit li qed jinkwieta sew lill-President Franċiż, Emmanuel Macron, u li qed ikompli bil-politika għal kontra l-immigrazzjoni fost iċ-ċirkulazzjoni ta’ politika ewroxettika.
Fil-fatt, il-politika ta’ Le Pen qed titkompla minn bintu, Marine, bħala l-Kap tar-Rally Nazzjonali u li fl-aħħar snin ikkuntestat tliet darbiet għall-Presidenza Franċiża. Intant, il-partit tagħha qed jittama li jaqleb l-istatus quo f’Pariġi u meta qed iżid l-appoġġ fost il-Franċiżi minn elezzjoni għall-oħra.
Jean-Marie Le Pen kien mexxa lill-Partit FN mill-1972 sal-2011 u fejn dejjem kien politiku kontroversjali għall-aħħar. Hu kellu anki jiffaċċja diversi azzjonijiet legali wara li kien tkellem b’mod dispreġjattiv dwar l-Olokawst – il-proċess għall-eliminazzjoni tal-Lhud min-Nażisti waqt it-Tieni Gwerra. Le Pen kien anki faħħar lill-Gvern Franċiż tal-Vichy li kkollabora mal-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler li kienu okkupaw lil Franza fil-bidu tas-snin erbgħin u li għenu għall-atroċitajiet kontra l-poplu Franċiż.
Sadanittant, Jean-Marie Le Pen kien anki wettaq xokk kbir f’pajjiżu meta, fl-2002, irnexxielu jasal għall-vot li kellu jiddeċiedi l-Presidenza ta’ Franza u li hu kien tilef kontra (l-Eks President) Jacques Chirac.
Kien proprju fl-2011 li r-riedni tal-Partit Nazzjonali estremista għadda lil Marine Le Pen – b’missierha jibqa’ President onorarju tal-partit sal-2015.
//= $special ?>