Lokali Qorti

Liberat għat-tielet darba fuq akkużi ta’ logħob illegali

Raġel ta’ 61 sena mill-Ħamrun ġie liberat għat-tielet darba minn akkużi ta’ logħob illegali u għal darba oħra dan minħabba żball li għamlet il-prosekuzzjoni. Din id-darba l-każ imur lura 20 sena fejn ġie liberat minn każ ta’ logħob illegali li kien seħħ fis-6 ta’ Diċembru tas-sena 2004 u qabel kien qed jilgħab fuq iż-żwiemel f’bar fil-Marsa fejn kien qed jiġi segwit il-logħob minn fuq is-satellita.

Fost affarijiet oħra Raymond Schembri kien illiberat minħabba li kien hemm żball fid-data ta’ meta kien seħħ il-każ, bil-każ jaqa’. Fl-2007 u fl-2011 huwa kien ġie mixli b’reati simili li minnhom ukoll kien spiċċa liberat minħabba żball minn naħa tal-prosekuzzjoni.

Il-każ li seħħ fl-2004, kien deċiż mill-Maġistrat Elaine Rizzo, li spiċċat semgħet il-kawża wara li dan kien f’ħoġor diversi Qrati oħra u li spiċċa quddiemha għal diversi raġunijiet, fosthom li l-Maġistrat Rizzo ma kellha l-ebda kontroll fuqhom.

Fil-Bar li jinsab fi Trig it-Tigrija, il-Marsa, liema fond ma kienx liċenzjat, Schembri kien qed jiġi mixli li hu, u anke sid il-post, inkoraġġew dak il-logħob u li dan il-post bidluh f’casino. Schembri kien mixli wkoll li wettaq dan ir-reat mingħajr il-permess tal-Awtorità li tikkontrolla l-logħob u li ma kellux liċenzja jagħmel dan.

Schembri kien qed jiġi mixli li wettaq dan ir-reat flimkien ma’ diversi persuni oħra. Il-Qorti qalet li t-tfittxija tar-reati fil-ħanut tax-xorb kienu saru fis-7 ta’ Diċembru u mhux fis-6 ta’ Diċembru. Mill-atti proċesswali jirriżulta Ii, minkejja t-testimonjanzi mismugħa, id-data indikata fiċ-ċitazzjoni baqgħet qatt ma ġiet korretta.

Fattur ieħor li nnotat il-Qorti kien li waqt l-interogazzjoni tiegħu, Schembri ma kienx ingħata d-dritt li jottjeni parir legali u dan jminħabba li l-liġi hekk kif kienet vigenti fis-sena 2004, ma kinitx tipprovdi
għal dawn l-istess drittijiet. Għal dawn il-mottivi, il-Qorti, sabet lil Raymond Schembri, mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u konsegwentament illiberatu.

Każ ieħor li seħħ fl-2007

Schembri kien ukoll akkużat b’logħob illegali wara rejd tal-Pulizija fil-Marsa kważi 18-il sena ilu, u Qorti oħra kienet illiberatu minn kull akkuża, minħabba li l-indirizz imniżżel fuq l-akkużi tiegħu ma kienx jaqbel ma’ dak li xehdu dwaru x-xhieda.

Raymond Schembri kien akkużat f’Lulju tal-2007 li pparteċipa u ppromwova attivitajiet ta’ logħob illeċitu f’sit fi Sqaq Ġerrej, fil-Marsa. Huwa kien wieħed mit-12-il persuna akkużati b’rabta mal-każ. Il-każ tiegħu dam fil-qrati għal diversi snin, wara li l-maġistrat inizjalment assenjat il-każ kien preskritt.

Fl-aħħar, iżda, kien ġie konkluż meta l-qorti nnutat xi diskrepanzi evidenti fil-każ ippreżentat mill-prosekuzzjoni. Filwaqt li Schembri kien ġie mixli li wettaq reati fi Sqaq Ġerrej, uffiċjali tal-Pulizija li xehdu semmew indirizzi differenti fil-Marsa.

Spetturi kienu qalu lill-Qorti dwar rejd f’sit fi Triq is-Serkin, filwaqt li rappreżentant tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkellem dwar bar fi Triq l-Istalel. Il-prosekuzzjoni fl-ebda punt ma fittxet li tiċċara din il-konfużjoni jew tikkoreġi xi żbalji, innotat il-qorti. Filwaqt li ċċitata minn ġurisprudenza preċedenti, qalet li minħabba d-diskrepanza bejn l-akkużi kif stipulati mill-prosekuzzjoni u dak li xehdu x-xhieda, l-akkużat ma setax jinstab ħati tal-akkużi ta’ logħob illegali.

Barra minn hekk, żiedet il-Qorti, Schembri ma setax jinstab ħati li għamel bet illegali kollettiva, għaliex bil-liġi persuna akkużata b’tali kontravenzjoni trid tiġi nnotifikata biha fi żmien tliet xhur. F’dan il-każ, id-dokumenti wrew li l-akkużat kien infurmat biss b’dik l-akkuża ħafna wara li għadda dak il-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet xhur.

Każ ieħor fl-2011

Każ ieħor li kien mixli dwaru Schembri seħħ fl-2011 fejn kien akkużat li ħaddem casinò bla liċenzja minn garaxx fil-Marsa, u hawn ukoll kien ġie liberat fuq żball tekniku mill-prosekuzzjoni, li indikat l-indirizz ħażin fl-akkużi.

Raymond Schembri, kien fil-mira ta’ rejd mill-Pulizija li marru jinvestigaw garaxx bla numru fil-Marsa wara nofsinhar f’Ottubru tal-2011. Wara dak ir-rejd, Schembri ġie mixli li opera casino mingħajr liċenzja, li ppermetta li l-fond jintuża għal imħatri illegali mingħajr il-permess meħtieġ mill-awtorità relattiva.

Meta l-każ wasal fl-istadju tas-sentenza, il-Qorti rrimarkat żball fl-akkużi li l-prosekuzzjoni kienet naqset milli tikkoreġi. Filwaqt li l-akkużi kienu jgħidu li l-allegati attivitajiet illegali saru fi triq ġdida fi Triq it-Tigrija, ix-xhieda tal-prosekuzzjoni kollha rreferew għal garaxx bla numru fi triq ġdida fi Triq is-Serkin.

Ix-xhieda kollha ddeskrivew ir-rejd, li sar għall-ħabta tat-3.30pm tal-24 ta’ Ottubru, 2011, fil-garaxx ta’ Triq is-Serkin. Filwaqt li ċċitata ġurisprudenza dwar żball simili, iżda fir-rigward taż-żmien tal-allegazzjonijiet aktar milli tal-post, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, illum Imħallef, iddikjarat li l-prinċipju kien wieħed u l-istess.

F’dan il-każ, il-prosekuzzjoni qatt ma kkoreġiet l-iżball fl-indirizz. Lanqas ma pproduċiet provi biex tispjega għaliex l-akkużi rreferew għal dak l-indirizz meta xhieda xehdu li l-attivitajiet seħħew xi mkien ieħor.

Barra minn hekk, tnejn mill-akkużi kienu ta’ natura kontravenzjonali u għalhekk preskritti meta jgħaddu tliet xhur. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti ddikjarat il-liberazzjoni ta’ Schembri.

F’kull każ l-imputat kien difiż mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.