Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jiżdiedu l-każi tal-virus HMPV – bit-tfal żgħar fost l-aktar vulnerabbli

Il-filmati miċ-Ċina qed juru dejjem aktar nies lebsin il-maskri u fost l-inkwiet dwar pandemija ġdida potenzjali… Dan meta l-awtoritajiet f’Beijing qed jirrikonoxxu spinta sostanzjali fil-każi tal-virus HMPV (metapneumovirus) li qed jolqot l-aktar lit-tfal u li issa qed jinfirex aktar qalb is-soċjetà.

Madankollu, l-HMPV mhux daqstant simili għall-Covid-19 peress li l-virus ilu magħna għal għexieren ta’ snin u meta nbidel biss (fi proċess ta’ mutation) fl-aħħar ġimgħat.

Dan qaluh l-esperti mediċi u meta l-virus kapaċi jwassal għal kumplikazzjonijiet mediċi fost it-tfal żgħar kif ukoll fost il-persuni b’immunità baxxa.

Il-virus, fost oħrajn, jirriżulta f’infezzjonijiet tan-nifs simili ħafna għal każi qawwija tal-influwenza u li huma prevalenti fil-parti kbira tan-nies li jimirdu bih.

L-HMPV kien identifikat għall-ewwel darba fl-Olanda fl-2001 – bil-virus jinfirex mill-kuntatti diretti bejn in-nies u f’sitwazzjonijiet fejn persuna tmiss mal-oġġetti kontaminati. L-ewwel sintomi ta’ persuni infettata, sadanittant, jinkludu s-sogħla u inċidenza tad-deni li kapaċi jibqa’ għat-tul taż-żmien.