Il-ftuħ ta’ kont bankarju huwa element kruċjali iżda mhux dejjem faċli għal kull negozju li jopera f’sistema dejjem aktar regolata li teżisti llum. Hekk kif jiżdiedu l-miżuri ta’ konformità u jintalbu aktar dokumenti, bosta kumpaniji qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jaqdu l-ħtiġijiet bankarji tagħhom f’Malta.
B’konsiderazzjoni tal-importanza ta’ faċilitajiet bankarji għal kull negozju, kemm kumpaniji lokali kif ukoll ditti internazzjonali li qed jikkunsidraw li jinvestu f’Malta, din il-kwistjoni hi direttament marbuta mal-kompetittività ta’ pajjiżna. Bl-għan li tindirizza din is-sitwazzjoni, FinanceMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Institute of Financial Services Practitioners (IFSP) u l-Malta Bankers Association (MBA), qed torganizza seminar proprju bl-għan li tiddiskuti l-isfidi marbuta mal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji minn kumpaniji f’Malta.
Bil-parteċipazzjoni ta’ bankiera ewlenin, professjonisti legali u esperti fil-qasam tal-konformità, dan l-avveniment għandu l-għan li jwassal għal ftehim aħjar tal-istrateġija bbażata fuq ir-riskju li jħaddnu l-banek Maltin u se jfittex li jwassal għal soluzzjonijiet prattiċi biex in-negozji jkunu jistgħu jiftħu kontijiet bankarji filwaqt li jkunu konformi mar-regolamenti fis-seħħ.
L-avveniment se jinfetaħ minn Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta. Mark Drago, Chair tal-Istanding Committee tal-MBA dwar il-Frodi Finanzjarja u ċ-Ċiberkriminalità; se jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kunċett ta’ risk-based approach fis-settur bankarju, inkluż kif il-banek jivvalutaw ir-riskju, minn profili tal-konsumatur sa espożizzjoni ġeografika, u jispjega kif l-oqsma regolatorji, bħad-direttiva Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus (AMLD), iħallu impatt fuq il-politika tal-banek.
Drago se jindirizza wkoll ir-rwol dejjem jevolvi tat-teknoloġija fil-valutazzjoni tar-riskji u l-proċeduri ta’ ftuħ tal-kontijiet, u kif dan joffri soluzzjonijiet favur effiċjenza akbar mingħajr ma tkun kompromessa l-konformità.
Il-President tal-IFSP Nick Captur se jimmodera sessjoni li se tesplora l-isfidi ewlenin li jsibu n-negozji meta jiftħu kont bankarju f’Malta, fosthom talbiet eċċessivi ta’ dokumentazzjoni, dewmien u rifjuti. Rappreżentanti mill-BOV, Sparkasse u BNF se jipprovdu rakkomandazzjonijiet biex dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati aħjar.
Sessjoni oħra se tiffoka fuq x’jistgħu jagħmlu l-kumpaniji fil-proċess tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji. Din is-sessjoni, li se titmexxa minn Mirko Rapa, membru tal-Kunsill tal-IFSP, se tilqa’ kelliema mill-HSBC, Lombard Bank, APS u l-FIAU u se titfa’ dawl fuq kif komunikazzjoni ċara, preparazzjoni tajba u għarfien lokali jista’ jiffaċilita dan il-proċess.
Il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) se tagħti l-perspettiva tagħha, inkluż il-bżonn ta’ trasparenza u miżuri ta’ konformità b’saħħithom.
Bernice Buttigieg, iċ-Chief Strategy Officer ta’ Finance Malta, qalet: “Li niffaċilitaw il-ftuħ bla xkiel ta’ kontijiet bankarji għall-kumpaniji mhix biss kwistjoni ta’ konformità, hija wkoll kruċjali biex niżguraw li Malta tibqa’ ġurisdizzjoni kompetittiva u attraenti għan-negozju. Permezz ta’ dan is-seminar, nixtiequ nixprunaw djalogu kollaborattiv bejn il-banek, il-Financial Intelligence Analysis Unit, u s-service providers, biex inwittu t-triq għal soluzzjonijiet prattiċi li jirrispettaw kemm ir-rekwiżiti regolatorji kif ukoll il-bżonnijiet tan-negozju”.
Is-seminar se jsir fis-16 ta’ Jannar 2025, fl-AM Business Centre fiż-Żejtun. Aktar dettalji u reġistrazzjoni mis-sit ta’ FinanceMalta: www.financemalta.org
//= $special ?>