Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien favur u appoġġja attivitajiet tal-massa, festivals u avvenimenti nazzjonali li jippromovu d-diversità filwaqt li juru dak li għandu x’joffri pajjiżna. Flimkien mal-komunità LGBTIQ+ konna onorati u kburin li Malta ospitat l-EuroPride fis-sena 2023 – tant li l-FOIPN stess ipparteċipat f’dan l-avveniment permezz ta’ Community Discussion – u nittamaw li dan l-avveniment importanti u prestiġjuż jerġa’ jsir f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista miktuba mill-President, Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN), Jamie Vella; u x-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, Libertajiet Civili u Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ.
Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista jifhem li dan l-avveniment ittella’ minn flus il-poplu u għaldaqstant ninsistu li r-regoli ta’ kif jintefqu l-flus għandhom dejjem jiġu rispettati. Dan biex jiġi assigurat li flus il-poplu jintefqu b’mod responsabbli mingħajr sparpaljar tal-flus bla ħtieġa. Dan il-prinċipju għandu jgħodd dejjem u f’kull każ, kemm jekk kunċert, film, l-isptarijiet, servizzi legali jew xi ħaġa oħra.
Għaldaqstant, ir-rapport tal-Awditur (NAO) dwar il-EuroPride huwa ta’ tħassib kbir. Huwa tal-mistħija kif anke avveniment nazzjonali bħalma huwa l-EuroPride, intuża biex flus il-poplu jintefqu bl-addoċċ, mingħajr ebda sistema ta’ kontabbiltà. Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-fatt li l-attività ġiet tiswa d-doppju ta’ dak ipproġettat, minn €2.5 għal €4.6 miljuni, u li ntefqu €78,000 għal żewġt iljieli għal kantanta waħda mingħajr l-ebda approvazzjoni.
Huwa ta’ għajb kbir li l-flus intefqu fuq kunċerti stravaganti minflok li ġew indirizzati l-ħtiġijiet proprji tal-komunità LGBTIQ+. Li kieku l-flus intefqu bil-għaqal setgħu saru aktar attivitajiet u inizjattivi li kienu jagħmlu l-EuroPride attività ta’ iktar suċċess. Minflok, din l-opportunità ntilfet a skapitu tal-komunità LGBTIQ+. Għal darb’oħra l-Gvern reġa’ nqeda bil-komunità LGBTIQ+ mingħajr ma taha lura dak li kien jistħoqqilha.
Il-Partit Nazzjonalista jħares ’il quddiem biex jaħdem fil-qrib mal-komunità LGBTIQ+ biex naraw flimkien x’inhuma l-ħtiġijiet veri u l-prijoritajiet f’dan il-qasam. Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura programmi u inizjattivi effettivi li jkun hemm flus allokati għalihom bi trasparenza fejn il-bniedem ikun dejjem fiċ-ċentru ta’ kull inizjattiva.
Ir-rapport tal-Awditur juri biċ-ċar Gvern għajjien, nieqes minn viżjoni fit-tul u li moħħu biss f’dawk tal-qalba. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li l-prinċipji tal-kontabbilità, it-trsparenza u l-governanza tajba jkunu dejjem fuq quddiem tal-politika tiegħu biex il-poplu Malti jingħata r-rispett u l-valur li ħaqqu.
//= $special ?>