Internazzjonali

Il-vittmi tat-terremot fit-Tibet jaqbżu l-130

Il-ħaddiema tas-salvataġġ qed ifittxu għall-ħajjin wara terremot qawwi li ħalla ‘l fuq minn 130 vittma minbarra li qered numru sostanzjali ta’ bini. Hemm ukoll l-għexieren kbar tal-feruti, bit-theżżiża l-kbira tolqot zona remota ta’ Tibet viċin il-muntanja Everest.

Il-vittmi jinsabu fl-artijiet baxxi fiz-zoni tal-Himalayas u fejn bħalissa għaddejja t-tfittxija intensiva għal aktar vittmi. Intant, il-ħidma qed tinvolvi anki ġlieda mal-ħin peress li t-temperaturi fl-inħawi mistennija li jinżlu sa 16-il grad Celsius taħt iz-zero.

It-terremoti fir-reġjun ta’ Tibet u ċ-Ċina huma komuni – bit-theżżiża ta’ sigħat ilu tirreġistra bħala l-aktar waħda qattiela għal ħafna snin.

It-terremot laqat f’fond ta’ għaxar kilometru taħt l-art waqt li rreġistra aktar minn 7 fuq l-Iskala Richter. Theżżiża li nħasset ukoll fin-Nepal u fi bnadi tal-Indja li taqsam fruntiera mat-Tibet.