Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK qed jippreżenta l-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja għall-Pubblikaturi u l-Awturi minn Malta. Il-parteċipanti magħżula se jkunu jistgħu jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom f’katalgu ta’ drittijiet ta’ barra li se jitqassam waqt il-London Book Fair 2025, li se ssir fl-Olympia f’Londra mill-11 sat-13 ta’ Marzu, u f’fieri internazzjonali oħrajn fl-2025.
L-għan tal-inizjattiva hu li tipprovdi pjattaforma mnejn il-pubblikaturi u l-awturi jkunu jistgħu jippromwovu sa ħames kotba tal-għażla tagħhom f’dal-katalgu, li se jkun jinkludi kotba rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll informazzjoni dwar il-Fond Malti tal-Ktieb. Dawn tal-aħħar se jkunu kkurati mill-KNK.
Minkejja ż-żieda fl-aċċessibbiltà għal teknoloġiji ta’ komunikazzjoni, kumpaniji iżgħar u indipendenti qed jaffaċċjaw sfidi sabiex jistabbilixxu ruħhom fuq livell globali. Il-KNK jifhem id-diffikultajiet li jkollhom jaffaċċjaw il-pubblikaturi u l-awturi Maltin sabiex jinnavigaw fis-suq tal-pubblikazzjoni internazzjonali, u allura kommess li jissapportjahom ħalli jiksbu s-suċċess.
Bħala parti mill-inizjattiva, il-KNK se jfassal dal-katalgu li jħaffef il-proċess sabiex pubblikatur jew awtur Malti jkellem jew jiltaqa’ ma’ msieħba importanti fl-industrija. Il-katalgu se jkun fih informazzjoni estensiva dwar il-pubblikazzjonijiet magħżula.
L-awturi mħeġġa jikkuntattjaw lill-pubblikatur tagħhom jekk jixtiequ li xogħolhom jidher f’dal-katalgu.
L-applikazzjoni għall-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja għall-Pubblikaturi u l-Awturi minn Malta tagħlaq fl-14 ta’ Jannar 2025. Il-parteċipanti jistgħu japplikaw ukoll għal massimu ta’ żewġ biljetti ta’ dħul b’xejn għal-London Book Fair 2025, u anki jużaw sa massimu ta’ darbtejn l-imwejjed u l-ispazju tal-istand tal-KNK 6A34) biex jagħmlu l-laqgħat (id-disponibbiltà tkun ikkomunikata minn rappreżentant tal-KNK). Inkella, ir-rappreżentanti tal-KNK iridu jkunu mgħarrfa bid-dettalji dwar xi talba relatata mal-kotba. Negozjati li jseħħu wara l-fiera msemmija jsiru mid-detentur tad-drittijiet, kif se jkun indikat fil-katalgu.
Il-pubblikaturi li se japplikaw għal din l-inizjattiva mitluba jassiguraw id-drittijiet għat-traduzzjoni mill-awtur (bil-kitba). Importanti ngħidu li mhux kull ktieb sottomess ifisser li se jidher fil-katalgu ta’ drittijiet ta’ barra. Se jkun hemm bord maħtur apposta li se jaħdem fil-qrib mal-KNK biex ikun iffinalizzat il-katalgu.
//= $special ?>