Lokali

Ipoġġu fjuri fil-post fejn miet Alejandro

Alejandro Brincat, li kien joqgħod l-Imtarfa, huwa l-ewwel vittma li miet din is-sena f’inċident tat-traffiku.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:20pm fi Triq l-Imdina – il-post fejn seħħet it-traġedja u li fl-aħħar sigħat tpoġġew diversi bukketti ta’ fjuri.

Il-vittma kien qiegħed isuq karozza tat-tip Mercedes, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll, bil-konsegwenza li qabdet il-bankina u ħabtet f’siġra.

Il-Mercedes spiċċat waqfet ma’ struttura tal-ħadid, litteralment wieqfa fuq il-bonett tagħha.

Fil-post issejħu minnufih il-Pulizija, timijiet mediċi minn Mater Dei u membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Sfortunatament iż-żagħżugħ ġie ċertifikat mejjet fil-post.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ħatar inkjesta megħjun minn diversi esperti, filwaqt li l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin… bil-Pulizija tikseb ukoll filmat li juri l-mument eżatt tal-impatt.

Deskritt minn saħbu bħala żagħżugħ ferrieħi, għal bosta Alejandro Brincat kellu qalb tad-deheb. Il-futbol kien l-isport favorit tiegħu. U fuq il-midja soċjali, il-kummenti ma waqfux tilgħin, ġurnata sħiħa.

L-avukat Robert Thake faħħar lil Alejandro għall-fatt li kien missier eżemplari.

Lashia Ellul esprimiet fuq Facebook kif Alejandro kien għadu kif kellimha ftit tal-minuti qabel l-inċident. “Żomm idejk fuq familtek, u fuq uliedek li kont tħobb b’qalbek kollha”, kien il-messaġġ li kitbet.

Messaġġ ukoll mit-tim li kien jilgħab miegħu, Vittoriosa Stars. Bil-club jiddeskrivih bħala ġentlom u futboler rispettat minn sħabu.

Fuq kollox, sellmulu bil-mod kif kienu jafu – il-Babx – u bin-numru 99 li se jibqa’ sinonimu miegħu.