Il-kumpanija taċ-ċeramika Maltija, Mediterranean Ceramics, ħarġet bl-idea li tagħmel rigal għall-President elett, Donald Trump, wara li reġa’ ġie elett mill-Amerikani biex imexxi t-tieni leġiżlatura tiegħu.
David u Brian Grima ddeċidew li għal din l-okkażjoni jibdew jaħdmu fuq sett ta’ mejda u erba’ siġġijiet li jikkumplimentaw dan ir-rigal fejn il-wiċċ tal-mejda tikkonsisti minn xogħol li juri l-emblema tal-Amerikani u l-islogan magħruf ma’ Trump – ‘Make America Great Again’.
Din il-biċċa xogħol telqet minn pajjiżna fl-aħħar sigħat sabiex tibda triqitha lejn l-Amerika u eventwalment tiġi ppreżentata personalment minnhom stess lill-mexxej tal-Amerikan li se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-20 ta’ Jannar.
Fil-fatt, l-aħwa Grima qalu magħna li issa qed jistennew id-data meta jkunu jistgħu jippreżentawha lill-President Trump fix-xhur li ġejjin.
“Inzertaw li d-distributors tagħna huma tal-istess ideat tagħna, li nappoġjaw lil Trump,” qal David. “Bgħatna x-xogħol tagħna għall-kampanja u marru ħafna tajjeb qabel l-elezzjoni. U qabel tela’ Trump għidna li jekk jitla’ nagħmlulu rigal u noħorġu b’disinn ġdid. U issa qed nistennew data biex niltaqgħu miegħu, nisperaw fil-viċin.”
Biċċa arti li ħadet ix-xogħol sakemm illum il-ġurnata nistgħu narawha lesta.
“Kif ħareġ ir-riżultat u rebaħ Trump, iddeċidejna mal-aġenti tagħna Amerikani b’dan id-disinn tal-President Amerikan,” qal Brian. “Bdejnieha xahar ilu u kien fiha ħafna xogħol iddettaljat. Bgħatnielhom ir-ritratti u filmati biex jikkonfermawlna minn barra, għoġbithom, daħħalniha fil-forn u se nkunu qed nibagħtuha f’dawn is-sigħat.”
Flimkien mal-emblema hemm ukoll inkluż il-ħamsin stilla bajda li jirrappreżentaw kull stat Amerikan u anke n-numri 45 u 47 li jirrappreżentaw il-presidenzi ta’ Trump meta serva, bejn l-2017 u l-2021 u l-presidenza l-ġdida li mistennija tibda fi ftit ġranet oħra.
Bl-aħwa kienu saħansitra ġew imqabbda sabiex jaħdmu għall-kampanja ta’ Trump f’Lulju li għadda, b’għadd ta’ mwejjed bl-islogans ‘Make America Great Again’ u ‘God Bless America’. Xogħol li ntlaqa’ sew tajjeb mal-Amerikani. U kien hawnhekk fejn ħadu d-deċiżjoni li jekk Donald Trump jiġi elett jagħmlulu rigal b’disinn ġdid.
Issa qed jistennew li jkollhom id-data ta’ appuntament sabiex jiltaqgħu miegħu u jkunu jistgħu jippreżentawlu dan ir-rigal.
Din mhix l-ewwel darba li sar xogħol ta’ dan it-tip. Tant li fl-aħħar snin ġew preżentati numru ta’ rigali lill-mexxejja tad-dinja, fosthom lir-Reġina Eliżabetta II u lill-Papa Franġisku.
Intant, l-aħwa Grima spjegawlna t-telqa fi Crafts Village ta’ Ta’ Qali – sitwazzjoni li ilha l-istess għal dawn l-aħħar snin. Din l-attrazzjoni, li kienet mistennija li tgħaddi minn trasformazzjoni grazzi għal investiment ta’ bosta miljuni ta’ ewro, kellha titlesta sal-aħħar tas-sena 2017 – iżda sal-lum – tmien snin wara – tħalliet nofs leħja.
“Aħna nixtiequ li l-Gvern jibda juri daqsxejn iktar interess fil-villaġġ għaliex inħossu li l-Gvern intelaq u ma ġiehx jinteressah iżjed x’inhu jiġri u ma jiġrix,” qal David. “Aħna hawnhekk ilna 40 sena. Xi daqqiet ngħidu aħjar bqajna kif konna milli ġejna kif ġejna. Sfortunatament, ma niħux gost ngħidha dik jien.”
Lura f’Marzu tas-sena tal-2019, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien inawgura uffiċjalment il-Crafts Village f’Ta Qali wara li fis-sena 2018 kien inbeda ix-xogħol ta’ rinnovament grazzi għal fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern tal-Labour kien wiegħed ukoll li dan il-villagg kellu jibda jiffunzjona fl-2021.
Iżda minkejja dan, wara ħafna wegħdiet fiergħa, jirriżulta li l-bejjiegħa ta’ dan il-villaġġ artiġjanali qed ibatu l-konsegwenzi ta’ diversi nuqqasijiet li għad hemm fiz-zona, hekk kif dawn in-negozjanti qed jgħidu li l-villaġġ għadu mhux jiffunzjona kif suppost, b’ħafna bini tħalla nofs xogħol.
Dan apparti li t-turisti li jiffrekwentaw dan il-post, sabuha diffiċli jgħidu jekk il-ħwienet humiex miftuħin jew le – bit-toroq spiċċaw abbandunati, bankini mdawra b’barrikati u numru ta’ binjiet li tħallew mhux lesti.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>