Internazzjonali

ll-Korea ta’ Fuq: Tħassib dwar l-avvanzi tal-komunisti fit-teknoloġija relatata mal-missili nukleari

Il-pajjiżi tal-Asja u l-Istati Uniti kkundannaw l-aħħar prova tal-missili min-naħa tal-Korea ta’ Fuq komunista. Sitwazzjoni mfissra bħala ‘inkwetanti iżda mhux daqstant sorprendenti’ wara li l-komunisti, din id-darba, sparaw missila ballistika ġdida b’warhead ħipersoniku. Missila li diffiċli ħafna biex tkun interċettata u li kapaċi tivvjaġġa b’ħames darbiet aktar mill-veloċità tal-ħsejjes.

Il-kelliema fi Pyongyang qalu li din il-missila għandha sservi bħala deterrent għall-Istati rivali fir-reġjun tal-Paċifiku li jistgħu għandhom l-intenzjonijiet ostili għall-Istat komunista.

Din kienet anki l-ewwel prova ta’ missila mill-Korea komunista għal xahrejn u kellha sseħħ f’ħin meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, kien għaddej bit-taħditiet f’Seoul mal-Mexxejja tal-Korea t’Isfel.

Intant qed jingħad li l-missila ħipersonika vvjaġġat fuq distanza ta’ 1,500 kilometru qabel niżlet direttament fil-baħar. Fl-istess ħin, il-Korea t’Isfel, li għadha teknikament fi stat ta’ gwerra mal-ġar komunista, kienet fost l-ewwel pajjiżi li kkritikaw bil-qawwi lil dan l-att ta’ provokazzjoni minn Pyongyang’.

Filwaqt li din ma kenitx l-ewwel darba li l-Korea ta’ Fuq ippruvat missila ħipersonsika, il-komunisti fi Pyongyang qed jgħidu li l-aħħar prova saret għal versjoni ħafna aktar avvanzata ta’ din il-missila, b’sistema ta’ kontroll superjuri għal ta’ qabilha.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-prova, il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong Un, qal li l-avversarji ta’ pajjiżu għandhom jieħdu t-twissija li l-Korea ta’ Fuq lesta tuża l-mezzi kollha possibbli biex tiddefendi l-interessi leġittimi tagħha.

Dan waqt li l-esperti barranin qalu li mhumiex daqstant sorpriżi li l-Koreani komunisti waslu sa dan il-livell fost l-isforzi biex jiżviluppaw l-armamenti nukleari.  L-esperti qalu wkoll li ilhom jafu li l-Korea ta’ Fuq ilha s-snin tesperimenta bil-materjal li kapaċi jkun inkorporat fil-missili tagħha bħala forma ta’ intimidazzjoni.

Sadanittant, l-Istati Uniti qed issegwi l-iżviluppi b’attenzjoni kbira, bis-Segretarju tal-Istat, Blinken, isostni li pajjiżu jemmen li r-Russja qed taħseb biex taqsam it-teknoloġija avvanzata fil-qasam tas-satelliti u l-ispazju mar-reġim ta’ Kim Jong-un.

Dan fost il-possibbiltà li l-Gvern tal-President Russu, Vladimir Putin, jista’ qed jaħseb biex jirtira mill-impenn (effettiv għal ħafna snin) għad-denuklearizzazzjoni tal-Penisola Koreana. Politika mibdula li, ‘il quddiem, għandha tfisser rikonoxximent minn Moska tal-Korea ta’ Fuq bħala potenza nukleari.