Lokali Qorti

Raġel akkużat li waqqa’ minn tulu uffiċjal tal-pulizija, jingħata l-libertà proviżorja

Raġel ta’ 33 sena li jinsab mixli b’rabta ma’ inċident li fih allegatament waqqa’ minn tulu uffiċjal tal-pulizija, ingħata l-ħelsien mill-arrest. Ir-raġel, ta’ nazzjonalità Filippina li joqgħod Tal-Pietà, ġie mixli li fl-14 ta’ Diċembru pprova jikkawża ġrieħi gravi lill-kuntistabbli tal-pulizija.

Huwa kien akkużat ukoll li għamel ħsara fuq il-mowbajl tal-kuntistabbli, li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija, u li għamel ħsara fuq karozza ta’ terza persuna. Huwa kien akkużat ukoll li saq bl-addoċċ, li saq taħt influwenza tax-xorb, u li kiser il-paċi pubblika. Ir-raġel kien wieġeb mhux ħati.

Il-każ kompla quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil fejn xehdu diversi persuni. L-ewwel li xehed kien ħabib tal-akkużat, li fil-ħin tal-inċident kien passiġġier fuq wara tal-karozza. Huwa qal lill-Qorti li kienu qrib Paceville, iżda ma kienx jaf it-triq eżatta.

Dak il-ħin, il-ħames passiġġieri u s-sewwieq kienu kollha taħt l-influwenza tax-xorb u kienu sejrin lejn Paceville wara li kienu qed jixorbu fid-dar ta’ ħabib. Hu mifhum li l-grupp kien imfittex wara li s-sewwieq saq waqt li l-pulizija kienu qed joħorġu multa kontrih f’Paceville.

Il-grupp ġie segwit sal-Love sign fejn ix-xufier laqat karozza, u kien biss wara dan l-inċident li wieħed mit-tyres sofra minn puncture li r-raġel waqqaf il-vettura. Is-sitt ċittadini Filippini ġew arrestati qrib il-mini ta’ Santa Venera iżda eventwalment ix-xufier biss ġie akkużat.

Ix-xhud qal lill-akkużat biex iwaqqaf il-karozza, madankollu, dan tal-aħħar injora l-parir u baqa’ jsuq sakemm spiċċa bit-tyre mtaqqab li ġiegħlu jieqaf xi 15 – 20 minuta wara. Ix-xhud fakkar li s-sitt individwi ġew arrestati separatament, iżda, meta sħabu waslu fl-Għassa ta’ San Ġiljan skoprew li kellhom xi ġrieħi.

Bl-istess mod, ħabib ieħor tal-akkużat qal lill-Qorti li dak il-lejl kienu qed jixorbu l-birra f’dar ta’ ħabib. Imbagħad telqu u kienu sitta ġewwa l-karozza. F’ħin minnhom, il-Pulizija ġrew warajhom. Ix-xhud ftakar biss li meta waslu l-Gżira minħabba li l-karozza laqtet kanal ta’ bankina.

Ir-raġel xehed li ħareġ mill-karozza u għolla jdejh, qabel ma allegatament il-pulizija laqtu f’wiċċu. Żied jgħid li l-oħrajn ippruvaw iwaqqfu lill-uffiċjal. Ix-xhud sostna li ntlaqat mill-pulizija meta kien għadu fil-karozza. L-uffiċjal inkwistjoni allegatament laqat lir-raġel b’arma. Ix-xhud ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Qal ukoll lill-Qorti li ma kienx infurmat għaliex kien arrestat.

Ħabib ieħor tal-akkużat, li dak il-lejl kien ukoll fil-karozza, iddeskriva l-inċident bħala trawmatiku. Ir-raġel sostna li l-pulizija ta daqqa fuq il-windscreen. Ir-raġel intefa’ mal-art minn uffiċjal tal-pulizija, li mbagħad allegatament qabdu u wara tela’ fuq dahar tax-xhud.

Filwaqt li s-sitt individwi kienu diġà ċedew, il-pulizija baqgħu “jweġġgħuhom” skont ix-xhud, li tenna li talab lill-pulizija biex jagħtuh lura n-nuċċali tiegħu peress li ma setax jara. Il-par nuċċalijiet eventwalment ġew irritornati miksura.

Ir-raġel xehed ukoll dwar il-pulizija li allegatament għamel ħsara lill-windscreen. L-Avukat difensur Franco Debono talab lill-Qorti tieħu l-azzjonijiet meħtieġa, fosthom li tippreserva l-par nuċċalijiet tax-xhud bħala prova.

Mix-xhieda ta’ ħabib ieħor irriżulta li l-grupp kien fi triqtu lejn Paceville meta l-Pulizija riedet toħroġ kontravenzjoni iżda l-akkużat saq. Ir-raġel qabel mal-verżjoni ta’ ħabibu li l-karozza waqfet wara li laqtet kanal.

Fil-Qorti rriżulta li tawh u qalulu biex jimtedd fl-art. Sostna wkoll li kien aggredit mill-pulizija iżda ma setax jgħid kemm-il darba kien intlaqat.

Dam jistenna erba’ sigħat biex xi ħadd rah f’Mater Dei

Ix-xhud sostna wkoll li ntlaqat f’rasu mill-pulizija. Ir-raġel ittieħed mill-Għassa ta’ San Ġiljan għall-Isptar Mater Dei u mbagħad iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana wara li stenna erba’ sigħat l-isptar biex jarah xi ħadd.

Bl-istess mod, dan ix-xhud sostna wkoll li ma kienx infurmat bir-raġunijiet tal-arrest tiegħu. Xehed ukoll ħabib ieħor tal-akkużat bl-istess mod għall-bqija. Dan ix-xhud qal lill-Qorti li informa lill-uffiċjal li arrestah li kellu driegħu miksur, u talab li jiġi mmanettjat b’idejh fuq quddiem.

L-uffiċjal tal-pulizija allegatament m’aċċettax u qal lir-raġel “ma tgħidilniex x’għandna nagħmlu” u dawwar id-driegħ fuq wara u mmanettjah. Xehed li dan għamel l-irkupru tiegħu agħar u aktar bil-mod. Ix-xhud spiċċa wkoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, u qal li l-ġrieħi kienu kkawżati mill-pulizija.

Sewwieq ta’ taxi wkoll tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u spjega li dakinhar li kien qed isuq minn Spinola għall-Bajja tal-Balluta, meta ra karozza blu ssuq lejh fil-karreġġjata tiegħu. Filwaqt li s-sewwieq ipprova jevita l-karozza li kienet ġejja, ma rnexxilux.

Il-ħabta rriżultat f’xi €1,100 f’danni. Is-sid tal-kumpanija kkonferma li l-ammont attwali kien ta’ €1,194.04. uffiċjal tal-pulizija xehed ukoll waqt is-seduta tat-Tnejn. Dakinhar tal-inċident kien maġenb Burger King, f’Paceville.

L-uffiċjal qal lill-Qorti li r-raġel kien qed isuq b’veloċità ogħla minn 100 kilometru s-siegħa. Spjega wkoll li r-raġel ġie arrestat ħdejn il-mini ta’ Santa Venera meta l-imputat ġie mġiegħel jieqaf għax kellu tier imtaqqab.

L-uffiċjal tal-pulizija qal li ġarrab uġiegħ f’dahru u li l-mowbajl tiegħu saritlu ħsara waqt l-arrest. Huwa ppreżenta dokument li juri kwotazzjoni għat-tiswija tal-mowbajl. Wara li xehdu x-xhieda, saru sottomissjonijiet fuq pleġġ.

Il-Qorti laqgħet it-talba u laqgħetl il-ħelsien mill-arresttar-raġel kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Huwa ġie ordnat jiffirma kuljum f’għassa tal-Pulizija u ġie impost fuqu curfew.

L-Ispettur Darryl Farr mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit assistew lill-akkużat. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.