Ir-riċerkaturi Maltin Prof. Pawlu Pace u Dr Jane Spiteri qegħdin jipparteċipaw fi proġett ta’ riċerka Ewropew biex jintegraw il-prinċipji tas-sostenibbiltà fl-istituzzjonijiet edukattivi.
Il-proġett, magħruf bħala Sostenibbiltà f’Istituzzjonjiet Edukattivi jew ‘SUSEDI’, juża dak li jissejjaħ ‘Whole Institution Approach (WIA)’ għas-sostenibbiltà. Dan il-proġett iħares lejn kull aspett tal-istituzzjonijiet edukattivi inkluż il-kurrikulu, il-mod kif l-istituzzjoni hija mmaniġġjata, u anke l-mod kif l-istituzzjoni hija integrata fil-komunità.
Hija perspettiva olistika li tenfassiża l-involviment tal-komunità u t-tagħlim kontinwu. Għandu l-għan li wkoll tagħti s-setgħa lill-istudenti, edukaturi u ħaddiema biex jieħdu r-responsabbiltà u jikkommettu ruħhom għal futur sostenibbli.
Bħala parti minn dal-proġett, inħolqot pjattaforma ta’ e-learning għall-edukaturi. Il-pjattaforma tinkludi lezzjonijiet, quizzes u eżerċizzji, Moodle b’riżorsi online, l-għanijiet tat-tagħlim, u spazju fejn edukaturi jkunu jistgħu jikkollaboraw ma’ xulxin dwar kif jistgħu jintegraw is-sostenibbiltà fl-istituzzjonijiet tagħhom. Il-pjattaforma nħolqot bil-ħsieb li tipprovdi l-appoġġ u riżorsi għal edukaturi u istituzzjonijiet li jixtiequ jsiru sostenibbli.
Il-pjattaforma toffri sistema organizzata u faċli għall-immaniġġjar ta’ attivitajiet edukattivi. Tista’ żżur din il-pjattaforma billi ssegwi il-ħolqa: https://elearn-susedi.projectsgallery.eu/
Il-proġett jinvolvi wkoll il-ħolqien ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni ISO. Din l-iskema se tkun ibbażata fuq lista ta’ attivitajiet li jaqblu mal-framework tas-sostenibbiltà. Skont il-WIA għas-sostenibbiltà, l-attivitajiet għandhom ikopru aspetti organizzativi, soċjali u pedagoġiċi, u jrid ikollhom rabta mal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda.
Xi eżempji ta’ dawn l-attivitajiet jinkludu: it-tfassil ta’ policies rigward is-sostenibbiltà, l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fis-suġġetti kollha tal-kurrikulu, u l-integrazzjoni tal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda b’mod sistematiku.
Hekk kif id-dinja qed tħabbat wiċċha ma’ problemi globali dejjem iktar kumplessi bħat-tibdil fil-klima, il-qerda ta’ bijodiversità u żieda fl-inugwaljanza, il-bżonn li nbiddlu l-istituzzjonijiet biex ikunu iktar sostennibili huwa iktar urġenti minn qatt qabel.
Il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Maqgħuda (Sustainable Development Goals) u l-Patt Ekoloġiku Ewropej (European Green Deal) twaqqfu biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet, iżda għad fadal ħafna xi jsir
biex dawn jitlaħqu.
Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar dan il-proġett ta’ riċerka billi żżur is-sit: https://susedi.projectsgallery.eu/